L-Għaxaq Music Festival issa qiegħed fl-20 edizzjoni tiegħu u hu lest biex joffri jumejn ta’ mużika eċitanti, li tinkludi Smokie World Tour u Ultimate Coldplay.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li dawn l-inizjattivi lokali jingħataw is-sostenn u l-inkoraġġiment li ħaqqhom. “Grazzi għal dawn il-proġetti qegħdin inġibu l-mużika u l-kultura fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna, u permezz tal-appoġġ tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-istrateġija tagħna li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici. Hu għalaq billi qal li b’festivals ta’ din is-sura qegħdin ukoll nippromwovu talent lokali, billi nipprovdu pjattaforma biex juru u jimirħu fit-talent tagħhom.
L-Għaxaq Music Festival jiftaħ nhar it-Tlieta, 6 ta’ Awwissu b’Ultimate Coldplay li ġie vvutat bħala l-aqwa tribute band fir-Renju Unit waqt it-Tribute Awards tal-2018. Fil-preżent ser ikunu qed joħolqu l-atmosfera tat-tour “A Head Full of Dreams” ta’ Coldplay permezz ta’ kostumi, azzjoni fuq il-palk u fuq kollox il-ħolqien ta’ dak il-ħoss mill-aktar distintiv ta’ Coldplay.
Dan l-avveniment se jiftaħ bl-artist kontemporanju Malti Matthew James & Band, flimkien ma’ bosta artisti mistiedna oħra. Kif issa hi drawwa din is-serata hi fużjoni bejn l-aqwa artisti Maltin u barranin.
L-Erbgħa, 7 t’Awwissu jara lil Smokie’s World lura Malta wara 2018 mill-aktar impenjattiva, b’20% aktar ta’ kunċerti mill-2017. B’mawra f’20 pajjiż mxerrda fi tliet kontinenti differenti, ċertament dan hu ritorn wisq mistenni lura fi gżiritna ta’ dan il-grupp ikoniku. Grupp li qed jiċċelebra 40 sena ta’ recordings u tours, u se jkunu qegħdin idoqqu diski mill-album il-ġdid live, u ser jagħtu lil pubbliku ċ-ċans li jitpaxxew b’għażla ta’ klassiċi mill-aktar maħbuba.
Dan l-avveniment se jittella’ fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq, id-dħul huwa bla ħlas. Għal aktar informazzjoni żur: https://www.facebook.com/ghaxaqmusicfestival
Comments