Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 22 ta’ Frar 2023) paġna numru 20
Inawgurata l-wirja “Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali”
Il-President ta’ Malta George Vella inawgura wirja bl-isem ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.
Imqassma fuq għaxar temi, il-wirja tkopri l-istorja tal-Ilsien Malti mill-għeruq Semitiċi tiegħu sakemm fl-1964 ġie ddikjarat bħala l-ilsien nazzjonali ta’ Malta u fl-2004 bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dokumenti, kotba u tabelli bit-tagħrif, il-wirja tlaqqa’ lill-pubbliku fost oħrajn mal-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, il-prietki bil-Malti ta’ Ignazio Saverio Mifsud, il-kitbiet ta’ Agius de Soldanis u Vassalli, l-unika ħarġa tal-gazzetta ‘L’Arlecchin’ bil-Malti f’Diċembru tal-1838, il-kwistjoni tal-lingwa, it-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, kif ukoll xogħlijiet monumentali bħat-traduzzjoni tal-Bibbja minn Pietru Pawl Saydon u d-dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina. Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Vella nnota kif minn din il-wirja joħroġ li l-mixja biex ilsienna jibqa’ ħaj għadha għaddejja u trid tibqa’ għaddejja. Joħroġ ukoll il-fatt ta’ kemm ilsienna ta prova matul is-snin li għandu pedamenti sodi u kemm huwa reżiljenti u kapaċi jadatta għal żminijiet u sfidi differenti.
Ilsienna, qal il-President, minbarra li jifforma parti mill-kultura u l-identità tagħna, huwa element qawwi li jgħaqqadna bħala ġens. Għaldaqstant, appella għal aġġornament kontinwu li jirrispetta kemm l-għeruq kif ukoll l-istruttura u t-tħaddim tal-lingwa bil-għan li lsienna nżommuh ħaj u attiv.
“Hija ħasra li l-użu tal-Malti fostna qed jonqos,” stqarr il-President waqt li semma kif il-Malti qed jiġi mdakkar aktar minn qatt qabel minn elementi tal-lingwa Ingliża. Semma wkoll kif il-Malti qed jintilef bil-mod il-mod fost l-eluf ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta. “Huwa minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-uffiċċju tiegħi dejjem fittex li jaħdem mill-qrib mal-għaqdiet tal-Malti bil-għan li jiġu identifikati miżuri konkreti li jgħinuna naslu għall-użu tajjeb tal-lingwa Maltija, kif ukoll għall-użu ta’ Malti tajjeb,” żied jgħid il-President waqt li għamel referenza għall-kampanja ‘l-Ilsien Malti għal qalbi’ li qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba’ għaqdiet tal-Malti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “din hija wirja li tfakkar 100 sena ta’ perseveranza għall-Ilsien Malti. Kull lingwa għandha karatteristiċi li jagħmluha unika u dawn irridu nippreservawhom bl-aħjar mod possibbli sabiex l-identità ta’ kull pajjiż inżommuha ħajja. Ħadd ma jista’ jiċħad li dawn il-wirjiet Maltin huma element importanti tal-identità Maltija.
Grazzi għal-lingwa Maltija, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna lejn l-identità tagħna.”
B’rabta ma’ din il-wirja, se ssir taħdita minn Dr Mario Cassar dwar l-ilsien Malti fi żmien l-Ordni (1530 – 1798) fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija nhar il-Ġimgħa li ġej fis-6.30 p.m.
Comments