Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żaru l-Kulleġġ Santa Klara Primarja, fil-Gżira. Waqt iż-żjara, ġew introdotti għall-ġnien vertikali fuq ġewwa – inizjattiva li hi unika għal din l-iskola u tgħin biex iżżid aktar għarfien fuq l-ambjent.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici aċċenna għall-importanza li nipprovdu lit-tfal bl-għodda neċessarja fi ħdan is-settur edukattiv minn età żgħira. “Aħna qed naħdmu biex nipprovdu pjattaforma soda permezz tal-edukazzjoni għall-benefiċċju tal-futur tal-istudenti tagħna, sabiex jaħdmu lejn l-iżvilupp tal-edukazzjoni u tal-karrieri prospettivi tagħhom tal-futur.” Dr Bonnici rringrazzja lil dawk preżenti u semma li dan il-gvern irid li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-edukazzjoni biex ikompli jiżgura aktar opportunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-ħiliet differenti tat-tfal ma jintefgħux f’keffa waħda. “Irridu nkomplu naraw kif l-esperjenza edukattiva titwessa’, ma tkunx one-size-fits-all u tilħaq lit-tfal kollha bil-modi differenti għax il-futur tagħna u ta’ pajjiżna jiddependi minn kemm kapaċi niżviluppaw il-ħiliet, l-attitudnijiet, il-karattru u l-potenzjal tagħna”, ikkonkluda s-segretarju parlamentari.
Huma żaru wkoll il-multi-sensory room u l-literacy room u kienu wkoll preżenti għal sessjonijiet ta’ reading recovery u guided reading, kif ukoll għal attività tal-iskola li tinvolvi rakkont ta’ stejjer.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici kellu laqgħa mal-prinċipal, mal-kap tal-iskola, mal-edukaturi u mal-persunal tal-primarja tal-Gżira.
Comments