top of page

L-Istitut għall-Arti Kreattiva fl-MCAST jiftaħ il-bibien biex jilqa’ l-istudenti għas-sena l-ġdida


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-Istitut għall-Arti Kreattiva fil-kampus tal-MCAST fil-Mosta flimkien mal-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James, fejn raw il-miżuri kollha li ttieħdu sabiex jissalvagwardjaw lill-edukaturi kif ukoll l-istudenti.

Dan is-Sajf kien hemm ħidma sabiex l-ispazji tat-tagħlim tal-MCAST ġew organizzati mill-ġdid b’firxa ta’ miżuri ta’ sigurtà konformi mal-protokoll ta’ sigurtà tal-Kulleġġ. L-ICA fetaħ il-bibien għal madwar 300 student mill-31 ta’ Awwissu biex joffri sessjonijiet prattiċi li ġew posposti fis-sena skolastika li għaddiet meta ngħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi. L-istudenti kollha se jibdew il-korsijiet tagħhom sad-19 ta’ Ottubru u s-sessjonijiet jinkludu lezzjonijiet fuq il-kampus kif ukoll dawk online.

Waqt żjara fil-kampus tal-Mosta, il-Ministru Bonnici qal li; “L-istituzzjonijiet vokazzjonali ġew milquta b’mod uniku matul din il-pandemija għaliex dawn jiddependu fuq taħriġ prattiku u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Aħna bħala gvern nifhmu l-importanza ta’ dan u kommessi li t-tagħlim ikompli. F’dawn iż-żminijiet partikolari, l-MCAST wera reżiljenza u żamm il-momentum biex jitkompla t-tagħlim u biex joffri appoġġ lill-istaff u l-istudenti. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla għandhom jantiċipaw u jadattaw biex iħejju lill-istudenti tagħna biex jingħaqdu fid-dinja tax-xogħol f’ambjent li dejjem jinbidel.”

L-istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) rreġistra żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal 24 kors li qed joffri. Il-korsijiet fl-ICA ivarjaw mill-arti u d-disinn għad-disinn grafiku, il-produzzjoni tal-midja kreattiva, il-fotografija u l-ġurnaliżmu, id-disinn tal-moda u l-arti tal-ispettaklu, kif ukoll il-ħiliet tal-wirt kulturali.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal; “L-istituti kollha tagħna jaħdmu mal-industrija biex joffru esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Għandna bżonn inkomplu bit-tagħlim prattiku filwaqt li ntaffu r-riskji għall-komunità tal-Kulleġġ tagħna. Matul il-ġimgħa li għaddiet, minn meta ftaħna l-Kulleġġ, qed naraw kif b’mod responsabbli l-istaff u l-istudenti qed jadattaw għar-regolamenti ġodda tas-sigurtà, u jaħdmu flimkien biex it-tagħlim isir filwaqt li nieħdu ħsieb lil xulxin.”

L-Istitut għall-Arti Kreattiva, li ġie stabbilit fl-2001, kien magħruf qabel bħala l-Istitut tal-Arti u d-Disinn u għaqqad flimkien il-kompetenzi taċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn u tal-Iskola Salvatore Dimech għal Persuni tas-Sengħa. Bħala wieħed mis-sitt istituti tal-MCAST, fl-2014, l-isem inbidel għal Istitut għall-Arti Kreattiva biex jirrifletti l-iżvilupp tul is-snin u l-firxa wiegħsa ta’ korsijiet li joffri.

Dan ix-xahar, aktar minn 860 student se jibdew korsijiet fl-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) fi ħdan l-MCAST fil-Mosta.





Comments


bottom of page