top of page

L-Oppożizzjoni trid titgħallem taqra r-riżultati tal-PISA



Mill-istqarrija tal-Oppożizzjoni joħroġ ċar kemm din ma fehmet xejn dwar dak li sar fejn tidħol l-edukazzjoni f’pajjiżna u kemm fadlilha ħafna x’titgħallem.


Huwa tal-iskantament kif l-Oppożizzjoni ma ntebħitx li skont ir-riżultati tal-PISA, l-iskejjel tal-istat tejbu r-riżultati tagħhom fl-2015 u fl-2018 meta ikkumparat mal-2009, meta taħt amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista l-iskejjel tal-istat kellhom l-agħar riżultati. Taħt l-amministrazzjoni preżenti, l-iskejjel tal-istat irreġistraw titjib konstanti fit-tliet oqsma, jiġifieri fix-xjenza, fil-matematika, u fil-litteriżmu, bl-amministrazzjoni tibqa’ impenjata dejjem aktar favur aktar titjib.


Dwar l-early school leaving, huwa evidenti li l-Oppożizzjoni hija maqbuda f’time loop u għadha mingħaliha li s-sitwazzjoni hi kif kienet meta kien fil-gvern il-Partit Nazzjonalista. Dakinhar, Malta kellha l-agħar sitwazzjoni fost il-membri fl-Unjoni Ewropea. Dan inbidel, tant li minn sitwazzjoni ta’ rata ta’ school leaving ta’ 21.7% fl-2012, Malta rnexxielha tkun il-pajjiż fost il-membri kollha fl-UE li l-aktar irnexxielu jnaqqas in-numru ta’ early leavers, bir-rata tal-2018 tkun dik ta’ 17.5%. Hawnhekk ukoll, waqt li l-Gvern jinnota dan it-titjib, jibqa’ impenjat biex inqas żgħażagħ ikunu early leavers.


L-Oppożizzjoni nsiet issemmi riżultati oħra sbieħ li Malta qed jirnexxielha tikseb fl-edukazzjoni. Ma semmietx li l-ammont ta’ żgħażagħ li jtemmu l-istudji terzjarji telgħu minn 26.3% fl-2012 taħt l-amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista għal 34.2% fl-2018 taħt l-amministrazzjoni preżenti. Lanqas ma ssemmi li l-ammont ta’ persuni mhux fl-edukazzjoni, lanqas fix-xogħol u lanqas fit-taħriġ (NEETS) naqas drastikament—minn 14% fl-2012  għal 9.5% fl-2018.


L-Oppożizzjoni lanqas ma ssemmi li l-Kummissjoni Ewropea nnifisha, f’waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħha, irrikonoxxiet it-tiġdid li qed iġġib magħha ‘My Journey’ fl-iskejjel sekondarji tagħna, u li biha, skont il-Kummissjoni, l-edukazzjoni saret aktar relevanti u ser tkun qed tkompli tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-early leavers.

Il-gvern ser jibqa’ jaħdem biex aktar tfal u żgħaġagħ jiksbu l-milja possibbli tagħhom tul il-vjaġġ edukattiv bla ma jingħalqulhom bibien ta’ opportunitajiet tul ħajjithom.

Komentáře


bottom of page