Il-Culture Pass ilu għal dawn l-aħħar snin joffri opportunità unika lill-istudenti sabiex jiġu esposti għall-kultura u l-arti sa minn età ċkejkna. Matul is-sena skolastika 2023/2024, madwar 47,000 student ibbenefikaw mill-Culture Pass, li juri żieda sinifikanti fl-għadd ta' studenti li qed jieħdu vantaġġ minn din l-inizjattiva.
Dan il-programm mhux biss jippermetti lill-istudenti jesprimu t-talenti tagħhom, imma wkoll jagħtihom il-possibbiltà li jattendu avvenimenti kulturali u artistiċi kemm ġewwa l-iskola kif ukoll barra minnha.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru l-iskola Primarja ‘A’ Ħaż-Żabbar fejn segwew show immirat għal studenti ċkejknin.
Il-Ministru Owen Bonnici qal kif din l-inizjattiva turi kif il-Culture Pass qed jikkontribwixxi b’mod sinifikanti fl-edukazzjoni u l-iżvilupp personali tal-istudenti permezz tal-kultura u l-arti. “Din l-inizjattiva qed tkompli ssir dejjem aktar popolari u tgħin fit-tisħiħ tal-komunità edukattiva, waqt li ssaħħaħ l-ekoloġija kulturali u kreattiva,” kompla jgħid il-ministru.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni li tkopri l-aspetti kollha li huma parti mill-ħajja tagħna, anki l-arti u l-kultura. “It-trawwim kulturali u artistiku f’uliedna huwa importanti daqs kull suġġett ieħor li jiġi mgħallem fis-sistema edukattiva tagħna. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed naraw li nwasslu biex jiżdied il-potenzjal kreattiv ta’ dawn l-istudenti. Dan il-programm jikkumplimenta wkoll it-tagħlim tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u jżid il-valur għall-edukazzjoni artistika u suġġetti kurrikulari oħrajn u għalhekk qed naraw li dak li jiġi mgħallem, ikun hemm ukoll l-esperjenza tiegħu”, qal il-ministru.
Il-Culture Pass ilu jiġi offrut lill-istudenti li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja, u indipendenti minn Diċembru tal-2016. Din is-sena, minħabba li l-popolarità għall-programm Culture Pass qed dejjem tkompli tiżdied, l-baġit żdied għal €250,000. Dan jixhed kemm din l-inizjattiva hija apprezzata u kemm hija effettiva fit-titjib tal-esperjenza edukattiva tal-istudenti.
댓글