Għal sena oħra konsekuttiva, in-Notte Bianca rnexxielha terġa’ tissupera kull aspettattiva b’serata ta’ suċċess, b’madwar 80,000 persuna jidħlu l-Belt għal din is-serata, b’kull rokna tal-Belt Valletta tiddawwal bl-isbaħ ilwien, l-aqwa mużika u prestazzjonijiet tal-għola kwalità.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li “Notte Bianca 2023 kienet għal darb’oħra suċċess, bit-toroq tal-Belt Valletta jimtlew b’enerġija u entużjażmu. It-toroq ġew trasformati f’xenarju ta’ arti u kultura tassew mill-isbaħ. B’il fuq minn 60 avveniment artistiku u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 250 artist, Notte Bianca għal darboħra rnexxielha tolqot il-gosti ta’ kulħadd bi proġetti mużikali, teatrali, dawk ta’ żfin, arti viżiva, u aktar.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-organizzaturi li għal darb’oħra trasformaw il-Belt Kapitali f’festa artistika, kulturali u li tagħti opportunità lill-artisti lokali jaqsmu t-talenti tagħhom mal-pubbliku.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra faħħar ix-xogħol kollu li għal darb’oħra sar waqt Notte Bianca. “Sodisfatt ħafna bix-xogħol li qed jirnexxielha tagħmel Festivals Malta. Il-konkorrenza sabiħa li kellna għal darb’oħra fil-Belt Valletta turi biċ-ċar li Notte Bianca, li tesebixxi tant tajjeb il-kultura ta’ pajjiżna, hija għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi. Inħares ’il quddiem għal aktar avvenimenti tal-għola kwalità li l-poplu sar jistenna mingħandna, fl-istess waqt nibdew il-ħidma għal Notte Bianca oħra tas-sena d-dieħla għas-Sibt 5 t’Ottubru 2024,” qal is-Sur Zahra.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tenna li Notte Bianca hija l-akbar festival li torganizza Festivals Malta, b’diversi proġetti li jseħħu f’lejla waħda, b’uħud minnhom fl-istess ħin. Huwa faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema ta’ Festivals Malta sabiex Notte Bianca tittella’ b’suċċess, kemm f’dak li jirrigwarda loġistika, marketing u l-ipprogrammar tal-attivitajiet kollha. Huwa semma kif din is-sena Notte Bianca ġiet imsemmija bħala waħda mill-Jum Wirt Ewropej. Is-Sur Agius irringrazzja lill-kollaboraturi kollha tal-Aġenzija, fosthom lill-Pulizija, Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Belt.
Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia qal: “Din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca kienet waħda speċjali, mhux biss għax kellna numru rekord ta’ prestazzjonijiet madwar il-Belt, iżda għall-varjetà u l-kwalità għolja ta’ proġetti li offrejna. Erġajna adottajna s-sistema tar-rotot li għal darb’oħra kienet ta’ suċċess għax l-udjenza setgħat tippjana r-rotta tagħha minn qabel biex tattendi l-proġetti l-aktar li jolqtuha. Din is-sena wkoll kellna mappa interattiva li kompliet tiffaċilita kif wieħed jista’ jsib il-prestazzjonijiet li jixtieq. Issa nibdew ix-xogħol għas-sena d-dieħla għal edizzjoni oħra ta’ Notte Bianca.”
Bình luận