Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Heritage Malta, qed tiġi diġitizzata kollezzjoni ta’ aktar minn 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma lokali.
Dawn il-pjanti, li jmorru lura aktar minn seklu, juru s-sistemi tal-kanen, stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma, kif ukoll xogħlijiet pubbliċi u ppjanar f’Malta u f’Għawdex.
Il-proġett qed jitwettaq mit-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza fi ħdan Heritage Malta. Meta l-proġett jitlesta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jkollha aċċess diġitali għall-informazzjoni, li hija kruċjali għall-operat tagħha. Barra minn hekk, se tiżdied il-ħeffa tar-riċerka b’aċċess fil-pront għall-arkivji, filwaqt li tonqos il-possibbiltà li ssir ħsara lill-pjanti oriġinali, li huma pjuttost fraġli.
Waqt żjara, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, ingħataw aġġornament dwar il-progress tal-proġett minn Anthony Cassar, il-Kap tat-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza. Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Kapijiet Eżekuttivi ta’ Heritage Malta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Noel Zammit u Karl Cilia, kif ukoll iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-iskennjar ta’ dawn il-pjanti kien possibbli permezz ta’ scanner apposta li għandha Heritage Malta. Żied jgħid li minbarra l-iskennjar tal-pjanti, il-proġett jinkludi wkoll l-iskennjar tan-noti bil-lapes li hemm fuq il-pjanti. “Dawn in-noti huma importanti ħafna billi bosta minnhom fihom tagħrif kruċjali u kummenti li jgħinu lir-riċerkaturi jinterpretaw il-pjanti aħjar,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li dan il-proġett huwa wieħed ta’ importanza kbira mhux biss għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma iżda anke għal pajjiżna, fejn se jiġu diġitizzati 15,000 pjanta arkitettonika mis-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 dwar l-istorja tal-ilma f’pajjiżna.
“Qegħdin nagħtu aċċess lill-pubbliku inġenerali parti integrali mill-istorja tas-settur tal-ilma f’Malta, speċjalment studenti u akkademiċi, biex jużaw din l-informazzjoni bħala parti mir-riċerka tagħhom”, qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, tkellem dwar il-benefiċċji kbar permezz tal-użu tal-aħħar teknoloġija fuq l-artifatti storiċi. Huwa qal li bħala l-aġenzija responsabbli mill-preservazzjoni tal-wirt kulturali u bħala l-aggregatur nazzjonali għad-data dwar il-wirt kulturali nazzjonali, Heritage Malta tinvesti kontinwament fid-diġitizzazzjoni biex tiżgura li tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa biex tiddiġitizza l-akbar firxa possibbli mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, qal, “Il-kollezzjoni diversa tal-Korporazzjoni għandha valur u sinifikat storiku u tinkludi tpinġijiet mil-lat arkitettoniku, pjanti u bosta dokumenti antiki li sibna matul ir-riċerka għall-pubblikazzjoni tal-ktieb, ‘8000 Years of Water’. Id-diġitizzazzjoni ta’ dawn l-artifatti tmur oltre sempliċiment l-iskop ta’ preservazzjoni, iżda se nkunu qed nonoraw il-wirt li għandna - kemm dak arkitettoniku u kemm dak tal-ilma - u b’hekk niżguraw l-aċċessibbiltà u l-ispirazzjoni ta’ dan il-wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri”.
Comments