Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura (ECYS) f’Brussell, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-ħtieġa li tinżamm il-flessibiltà bejn l-istati membri fil-ħidma li qed issir sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali. Id-diskussjoni li saret waqt il-laqgħa ffukat fuq l-isfidi li jiffaċċja kull min jaħdem f’dan is-settur u l-importanza li jiġi rikonoxxut dejjem iktar is-sinifikat ekonomiku tas-setturi kulturali u kreattivi.
Filwaqt li rrikonoxxa l-impatt ekonomiku ta’ dawn is-setturi, il-Ministru Bonnici enfasizza fuq ir-reżiljenza tagħhom matul il-pandemija u l-isfidi ekonomiċi sussegwenti. Il-Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li s-setturi kulturali u kreattivi jitqiesu bħala importanti mhux biss f’termini ta’ prodotti u servizzi li joffru, imma wkoll bħala fattur ekonomiku li dejjem qiegħed jikber. Huwa kompla li wieħed irid jagħraf ukoll l-ammont kbir ta’ persuni li mhumiex artisti li jagħtu servizz anċillari importanti lis-settur.
Il-Ministru tenna li l-forza tax-xogħol fis-setturi kulturali hija waħda kumplessa u għaldaqstant għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet varji u potenzjalment konfliġġenti ta’ professjonisti kulturali differenti. Enfasizza wkoll fuq l-importanza li tissaħħaħ il-libertà u l-awtonomija tal-professjonisti kulturali sabiex ikunu jistgħu jesploraw dawk l-attivitajiet li jirriflettu l-perspettivi uniċi tagħhom.
Il-Ministru Bonnici semma wkoll diversi inizjattivi li wettqet Malta biex ikompli jissaħħaħ il-qasam tal-ekonomija kreattiva. Huwa identifika, bħala eżempju, il-miżura tas-sistema ġdida ta’ taxxa fuq l-introjtu ta’ 7.5% għall-artisti li ġiet introdotta fl-2022 u l-fondi li ġew mogħtija bil-għan li jiġu inkoraġġiti l-artisti, produtturi u promoturi sabiex jilħqu l-għanijiet artistiċi tagħhom.
“B’riżultat tal-miżuri li qed jieħu pajjiżna, in-numru ta’ nies li jaħdmu fis-setturi tal-kultura u kreattivi aktar minn irdoppja matul l-aħħar għaxar snin u żdied bit-13% f’sena waħda,” qal il-Ministru Bonnici.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-bżonn li min jaħdem f’dawn is-setturi jiġu wkoll mħeġġa illi jingħaqdu f’assoċjazzjonijiet professjonali sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-kuntest soċjo-ekonomiku li joperaw fih.
Ritratti: MHAL
Comments