top of page

Malta se tniedi l-ewwel park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar



Din is-sena se jitnieda l-ewwel park arkeoloġiku taħt il-baħar minn Heritage Malta. Il-park, li se jkun f’qiegħ il-baħar lil hinn mix-Xlendi u se jkollu kobor ta’ 67,000 metru kwadru, huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, il-kunsill lokali u stakeholders.

Dan ġie mħabbar waqt konferenza bit-titlu ‘Lungomare Mediterraneo/Submerged testimonies of the modern Europe’ organizzata mill-Ambaxxata tar-Repubblika tal-Kroazja b’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, fejn stqarr li l-wirt kulturali ta' taħt il-baħar jinkludi aktar minn sempliċiment l-akkademja, l-arkeoloġija u t-turiżmu. Huwa spjega li fl-aħħar sentejn Heritage Malta flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u bl-għajnuna ta’ partners oħra, ikkollaboraw flimkien sabiex is-sit jiġi analizzat u studjat bid-dettall sabiex imbagħad jiġi dikjarat bħala l-ewwel park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar.

Il-Ministru Bonnici sostna li sabiex il-wirt ta’ taħt il-baħar ikun aċċessibbli minn kulħadd, tnieda mużew online li jista’ jiġi aċċessat fuq underwatermalta.org. Permezz ta’ dan is-sit, il-viżitaturi jistgħu jesploraw 20 sit taħt l-ilma fi 3D mill-kumdità ta’ djarhom. Huwa qal li l-park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar se jkun jista’ jiġi aċċessat ukoll b’mod virtwali. “Permezz ta’ dan il-mużew virtwali, iktar nies jistgħu jiskopru l-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar u japprezzaw is-siti uniċi tal-ibħra tagħna,” tenna l-Ministru Bonnici filwaqt li temm jgħid li l-gvern se jkompli jaħdem bis-sħiħ favur l-istorja ta’ Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Prof Timmy Gambin minn Heritage Malta sostna li l-immaniġġjar tal-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar miexi ’l quddiem f’pajjiżna. “Grazzi għall-isforzi kollettivi ta’ Heritage Malta, l-Università ta’ Malta u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, Malta tinsab minn ta’ quddiem biex tagħmel aċċessibbli parti mill-istorja li nkella hija moħbija,” sostna Prof Gambin.



Комментарии


bottom of page