Malta saħħet l-impenn tagħha favur azzjoni klimatika bbażata fuq il-kultura matul il-COP28, billi ngħaqdet bħala membru fundatur ma’ 27 pajjiż ieħor impenjati għall-integrazzjoni tal-kultura bħala pilastru ċentrali fir-rispons globali għat-tibdil fil-klima. Din il-kollaborazzjoni ġiet formalizzata waqt li l-Ministru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kien qed jattendi għad-Djalogu Ministerjali ta’ Livell Għoli dwar l-Azzjoni Klimatika bbażata fuq il-Kultura fil-COP28 fl-Emirati Għarab Magħquda.
Il-mira ewlenija ta' dan l-isforz konġunt, magħruf bħala l-"Grupp ta' Ħbieb tal-Azzjoni Klimatika bbażata fuq il-Kultura", huwa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-ħidma konġunta dwar il-Kultura u l-Azzjoni Klimatika fejn il-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCCC) u l-korpi sussidjarji tagħha jindirizzaw flimkien kwistjonijiet li jġibu flimkien il-kultura u l-wirt nazzjonali u l-azzjoni klimatika, bil-għan li jagħmlu rakkomandazzjonijiet għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni matul il-COP li jmiss, jiġifieri fil-COP29.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi msaħħaħ id-djalogu dwar il-preservazzjoni kulturali fil-kuntest tat-tibdil fil-klima. Tenna li s-settur kulturali, milqut b'mod sinifikanti mit-tibdil fil-klima, għandu potenzjal li mhux qed jiġi utilizzat biżżejjed biex jikkontribwixxi fid-diversi sferi. Kompla li skont il-UNESCO, kważi terz tat-318-il sit tagħha ta’ Wirt Dinji jinsabu f’żoni kostali vulnerabbli.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li quddiem il-kriżi klimatika li qed tiżdied, ir-rwol tal-Ministri tal-Kultura jestendi lil hinn mill-kustodja konvenzjonali. "Aħna nissalvagwardjaw mhux biss it-teżori kulturali tanġibbli u intanġibbli iżda wkoll dak li jiddefinixxi lis-soċjetajiet tagħna. Hekk kif nindirizzaw id-diversi sfidi ikkawżati mit-tibdil tal-klima, l-azzjoni kollettiva tagħna hija kruċjali biex niżguraw il-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna," tenna l-Ministru Bonnici.
Huwa spjega li l-artifatti kulturali tanġibbli diġà qed jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima, u bħala konsegwenza ta’ dan jirrikjedu finanzjament akbar għall-manutenzjoni tagħhom. “Malta tirrikonoxxi wkoll il-fatt li hemm nuqqas ta’ uniformità fl-għarfien espert tekniku b’mod globali u nħeġġu li jkun hemm pjattaforma internazzjonali aktar strutturata għall-iskambju ta’ strateġiji ta’ suċċess kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku,” qal il-Ministru Bonnici.
Malta enfasizzat ukoll fuq l-importanza li tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet, ir-riżorsi u l-aspirazzjonijiet uniċi ta’ kull pajjiż fit-tfassil tas-soluzzjonijiet, u li jiġi evitat approċċ wieħed għal kulħadd li ma jkunx ideali fit-twettieq tal-ħidma internazzjonali.
“Malta tappoġġja s-sistema attwali li tippermetti l-flessibbiltà tal-istati biex jiddeterminaw l-aktar modi effettivi biex il-kultura toħroġ bħala strument formidabbli fil-ġlieda kollettiva kontra l-isfidi tat-tibdil fil-klima,” tenna l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici temm billi enfasizza l-ħtieġa ta’ policies li mhux biss jippreservaw iżda wkoll jippromwovu l-aspetti kulturali differenti u li jservu ta’ xprun biex jiġu salvagwardjati u msaħħa l-identitajiet kulturali.
Il-Grupp ta' Ħbieb tal-Azzjoni Klimatika bbażata fuq il-kultura, li huwa ko-presedut mill-Emirati Għarab Magħquda, li għandhom il-presidenza tal-COP28 u l-Brażil li se jkollu l-presidenza tal-COP 30, kiseb ukoll appoġġ minn 14-il istituzzjoni kulturali ta' fama internazzjonali, inklużi l-UNESCO, l-ICCROM, l-ICOMOS u l-Europa Nostra. Sitt pajjiżi oħra pparteċipaw bħala osservaturi u pajjiżi oħra mistennija jingħaqdu ma' din l-inizjattiva.
Comentários