Il-Ministru għall-Finanzi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni jilqgħu r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-rapport maħruġ mill-MONEYVAL. Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka tfassal wara l-valutazzjoni li saret f’Novembru tas-sena li għaddiet b’rabta mal-effettività li għandha Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu.
Il-ministri tennew l-impenn tal-gvern li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippubblikati b’mod uffiċjali mill-istess rapport maħruġ mill-MONEYVAL.
Żiedu jgħidu li flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-awtoritajiet kompetenti f’Malta, jinsabu sodisfatti bil-progress li nkiseb fil-pjan ta’ azzjoni mill-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi miġġieled money laundering u finanzjar tat-terroriżmu (NCC) mifrux fuq medda ta’ snin. Dan il-kumitat twaqqaf f’April tal-2018 biex jimplimenta strateġija nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Il-umitat hu magħmul mill-ogħla uffiċjali tal-Ministeru għall-Finanzi, mill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Kummissarju tat-Taxxi, il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-Awtorità Maltija għal-Logħob, il-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali flimkien ma’ għoxrin istituzzjoni kompetenti Maltin oħra se jkunu qegħdin ifasslu pjan ta’ azzjoni mifrux fuq sena biex jimplimentaw it-tmienja u ħamsin rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL.
Kull rakkomandazzjoni li saret mill-MONEYVAL se tiġi fdata lil istituzzjoni kompetenti li f’perjodu stabbilit trid tara li timplimenta l-pjan ta’ azzjoni propost. Kull istituzzjoni kompetenti se tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa inklużi appoġġ u pariri mill-esperti u fejn jeħtieġ se jkun hemm project leader.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jikkumplimentaw il-miżuri elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika li tfassal wara l-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali (National Risk Assessment) li twettaq lura fl-2017. Ta’ min jinnota li sa issa ġew implimentati 35% tal-miżuri fi żmien stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni mifrux fuq medda ta’ tliet snin.
Intant, l-Istitut għall-Governanza f’Bażel[1] ikklassifikaw lil Malta bħala ġuriżdizzjoni b’riskju baxx għall-ħasil tal-flus u għall-iffinanzjar tat-terroriżmu. Dan jiċċertifika li l-kwistjonijiet f’Malta jistgħu jiġu indirizzati b’tali mod li jkunu ta’ suċċess; speċjalment bir-riformi li qegħdin isiru sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ infurzar tal-liġi.
L-awtoritajiet Maltin ser ikomplu jaqsmu l-informazzjoni u fl-istess waqt jikkollaboraw ma’ pajjiżi oħra sabiex tiġi indirizzata din l-isfida globali. B’dawn is-suġġerimenti kif ukoll tibdiliet oħra fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet Maltin ser ikunu qed jissaħħu u fl-istess waqt ikunu f’qagħda aħjar sabiex jikkombattu attivitajiet relatati mal-ħasil tal-flus u mal-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Malta hija kommessa li tgħin fil-ġlieda globali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u tilqa’ kwalunkwe rikonoxximent li sar sa issa b’rabta mal-ħidma li qed titwettaq.
Il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu huma sfidi li jeħtieġu kollaborazzjoni transfruntiera. Malta hija determinata li tipprovdi aktar riżorsi sabiex issaħħaħ l-istituzzjonijiet, l-aġenziji regolatorji u dawk li jinforzaw il-liġi bil-għan li l-iskop aħħari jintlaħaq.
[1] The Basel Institute for Governance’s AML Index measures the risk of money laundering and terrorism financing in countries. Malta ranked 113 out of 125 this year, with a score of 3.94 out of ten, with 125 being the top ranking and 1 the highest score possible.
Comentários