Il-makabru, il-paranormali u l-maġija se jkunu t-tema prinċipali ta’ Macabaret, spettaklu bi stil ‘cabaret’ li se jittella’ għal lejla waħda biss ġewwa Strada Stretta. Macabaret huwa avveniment ta’ The Strada Stretta Concept, u jagħmel parti mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-2019 li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
“Permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, nistgħu nipprovdu aktar avvenimenti ta’ kwalità għolja fil-belt kapitali tagħna li saret hub kulturali matul dawn l-aħħar snin. Dan huwa possibli grazzi għal strateġiji maħsuba biex jipprovdu s-soċjetà tagħna b’avvenimenti kulturali u artistiċi matul is-sena kollha. Il-Macabaret huwa żieda unika għall-kalendarju kulturali ta’ din is-sena, hekk kif aħna rridu nassiguraw li l-kalendarju kulturali tagħna jkollu xi ħaġa għal kulħadd,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment li jagħmel parti minn The Strada Stretta Concept.
L-udjenza tista’ tistenna lejl mimli preżenzi spiritwali, illużjonijiet bix-xwabel, maġija, esperimenti psikiċi, u ħafna aktar.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “Permezz ta’ programm annwali mżewwaq għal Strada Stretta, se nkomplu nikkontribwixxu għall-ħajja kulturali ta’ din it-triq, li toffri tant karattru, divertiment u anke storja ġewwa l-Belt Valletta. The Strada Stretta Concept beda bħala proġett ta’ Valletta 2018, u għalhekk, il-kontinwità tiegħu hija wkoll parti integrali mil-legat tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura li qed jinżamm ħaj mill-VCA. Il-programm tas-sena d-dieħla se jesplora diversi forom artistiċi b’mod kurrenti, fosthom l-opra, l-arti kontemporanja, iċ-ċinema, it-teatru, il-mużika u l-letteratura.”
Ibbażat fuq il-format ta’ show tradizzjonali bi stil ‘cabaret’, Macabaret se jinvolvi elementi sensazzjonali u li jwaħħxu, maħsuba f’ambjent oriġinali bi stil ‘cabaret’ li jfakkarna fl-aktar żmien magħruf ta’ Strada Stretta. L-udjenza tista’ tistenna elementi misterjużi u strambi, u xi ftit umoriżmu ma jonqosx. Ir-rappreżentazzjoni se tinkludi serje ta’ xeni b’karattru kemxejn makabru: ‘The Spirits Return’, ‘Psychic Powers’, ‘Human Endurance’ u ‘Ethereal Feats’.
Vanni Pulé se jkun il-protagonista ta’ Macabaret, akkumpanjat minn numru ta’ artisti mix-xena tal-maġija; it-talent żagħżugħ ta’ Gwilym Bugeja, Alexander li se jagħti spettaklu eċitanti bix-xwabel u l-faxxinu ta’ Sarah Kurvinen, bl-għajnuna ta’ Enrico Zerafa Caruso.
Il-Kordinatriċi ta’ The Strada Stretta Concept Nikki Petroni qalet li, “The Strada Stretta Concept irritorna bħala parti mill-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li twaqqfet din is-sena. Għal darb’oħra, Giuseppe Schembri Bonaci ġie appuntat direttur artistiku ta’ dan il-proġett - proġett li se jkompli joħloq avvenimenti kulturali u artistiċi ta’ kwalità għolja ġewwa Strada Stretta, li jissawru mill-istorja u l-karattru ta’ din iż-żona tal-belt kapitali. L-avveniment li se jittella’ f’Novembru se jinvolvi l-mewt, imma b’differenza. Il-maġija, il-mewt u dak kollu li huwa makabru se jkunu l-elementi ewlenin f’Macabaret.”
Ir-rappreżentazzjoni se tittella’ nhar l-Erbgħa 6 ta’ Novembru fit-8.30pm ġewwa The Thirsty Lawyer, The Gut, fi Strada Stretta l-Belt Valletta. Id-dħul huwa bla ħlas, però, huwa rrakkomandat li wieħed jibbukkja fuq info@thethirstylawyer.com minħabba li l-postijiet huma limitati.
Għal aktar informazzjoni, segwi l-paġna The Strada Stretta Concept fuq Facebook.
Comments