top of page

MCAST Gateway to Industry iniedi Prospectus 2020



Link għal aktar informazzjoni dwar il-prospett: https://we.tl/t-8B7qoZ6HH8


MCAST Gateway to Industry (MG2I) ħabbar il-pubblikazzjoni tal-prospett tal-korsijiet part-time tal-MCAST għas-sena 2020.


“Il-firxa dejjem usa’ ta’ suġġetti kif jidhru fil-prospett, u l-popolarità tal-korsijiet jixhdu s-suċċess tal-missjoni tal-MG2I, bħala promotur ta’ korsijiet part-time tal-MCAST, li hija dik li tagħti lil kull individwu aċċess ugwali għal riżorsi edukattivi sabiex jittejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom minkejja l-età u ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom. Aħna impenjati biex nibqgħu nipprovdu iżjed opportunitajiet fi ħdan is-settur edukattiv, dan għaliex nemmnu li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans sabiex ikun jista’ ikompli jistudja”, stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici waqt din it-tnedija.


Il-pubbliku huwa mistieden jaqra l-prospett, li fih korsijiet addizzjonali ġodda li jkopru firxa wiesgħa ta’ kompetenzi u ħiliet. Fost dawn, il-qarrej għandu jsib taqsima kompletament ġdida ddedikata għal ‘Logistics and Supply Chain Management’, kif ukoll korsijiet ġodda ta’ grad universitarju u post-universitarju f’oqsma ta’ studju b’relevanza diretta u attwali għar-realtajiet soċjali, ekonomiċi u industrijali tal-pajjiż. Dawn jinkludu: il-ġestjoni ta’ riżorsi tal-ilma, it-teknoloġija u s-sistemi ta’ informazzjoni, l-eżerċizzju u x-xjenza tal-isport, u l-kostruzzjoni. Ta’ min insemmu wkoll in-numru ta’ korsijiet ġew miżjuda f’oqsma differenti sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-klijenti għal korsijiet intermedjarji jew korsijiet preparatorji għal eżamijiet ta’ liċenzjar jew ċertifikazzjoni.


Bħall-prospetti preċedenti, l-edizzjoni l-ġdida toffri firxa wiesgħa ta’ korsijiet ta’ passatemp f’oqsma differenti – grooming tal-annimali domestiċi, DIY, arti u snajja’, kif ukoll korsijiet professjonali fl-iwweldjar, l-elettronika, il-manutenzjoni tal-karozzi, l-avjazzjoni u l-kostruzzjoni. Ta’ importanza mhux inqas huma l-korsijiet tal-Learning Support Educators li bħalissa hemm talba kbira għalihom u li qed ikunu miftuħa s-sena kollha.


L-applikazzjonijiet għall-MCAST Gateway to Industry jinfetħu nhar it-2 ta’ Marzu.



Comentários


bottom of page