Is-Sur ta’ San Nikola, li jifred Bormla u l-Fgura, qiegħed jiġi restawrat mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni. Dan is-sur jinsab bejn il-Bastjun ta’ San Nikola u dak ta’ San Ġwann, u jifforma parti mis-Swar tal-Kottonera ddisinjati minn Antonio Maurizio Valperga fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ġie spjegat li dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €650,000. Ix-xogħlijiet fuq dan is-sur, li bdew f’Novembru 2023, huma mistennija jitlestew lejn l-aħħar ta’ din is-sena. B’kollox dawn ix-xogħlijiet se jkopru medda ta’ ’l fuq minn 4,500 metru kwadru ta’ swar.
“Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qegħdin inkomplu nżidu l-valur tal-wirt nazzjonali tagħna, wirt li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu. Il-Kottonera hija bla dubju ta’ xejn parti integrali minn din il-ħidma tagħna. Dan ir-restawr jimxi mal-istrateġija kulturali tagħna b’mod li jżid l-apprezzament tal-wirt ta’ pajjiżna. B’dan il-proġett ta’ restawr qed nagħtu valur akbar lil dan is-sit storiku, li b’hekk jista’ jitgawda fit-tul mill-pubbliku u mit-turisti,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr. Kompliet tgħid li dan ix-xogħol ta’ żamma u manutenzjoni fuq is-swar huwa ta’ importanza kbira fil-preservazzjoni tal-wirt storiku Malti. Hija temmet tgħid li l-Gvern kommess li jkompli l-ħidma għall-preservazzjoni, il-promozzjoni u l-kultivazzjoni tal-karatteristiċi kollha li jsawru l-identità Maltija.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal, “Sodisfatti b’dan ir-restawr u xogħol ieħor li qed isir fil-Kottonera għaliex kull proġett bħal dan ifisser it-twettiq tal-istrateġija li għandna għall-Kottonera.”
Ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq dan il-proġett jinkludu t-tindif u t-tikħil mill-ġdid tal-fili tal-ġebel, tibdil ta’ ġebel iddeterjorat, il-konsolidament u konservazzjoni tal-ġebel li minnu hu mibni dan is-sur.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali tal-Fgura u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Yorumlar