top of page

MIEXI R-RESTAWR FIL-KNISJA FRANĠISKANA MADONNA TA’ ĠIEŻU

Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2023) paġna numru 4.



Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Knisja Franġiskana tal-Madonna ta’ Ġieżu miexi tajjeb ħafna, bil-pjan li jitlesta f’Jannar tal-2024 taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat tar-Restawr. Dan se jsir b’investiment ta’ €300,000.


Ix-xogħlijiet bdew f’Ottubru tal-2022, bit-twaqqif ta’ armar fi Triq Sant’ Ursla. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni fuq il-post. Dawn jinkludu xogħlijiet ta’ tindif, tibdil ta’ ġebel u tiswija tal-plastik. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett hu biex dan il-monument storiku jidher aħjar estetikament u viżwalment.


Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Perit responsabbli. Il-Ministru Bonnici sostna li dan ir-restawr ser iwettaq l-istrateġija kulturali tal-Maltin u Għawdxin.


Huwa rrimarka li l-Gvern huwa kommess li jkompli jissalvagwardja l-Knisja. Qal ukoll li din il-Knisja permezz tar-restawr ser tkun tista’ titgawda mill-pubbliku u mit-turisti li jiġu jżuru din il-Knisja.


Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett Jean Frendo spjegat kif it-tindif tal-wiċċ tal-ġebla huwa importanti biex titneħħa kull akkumulazzjoni ta’ karbonju, komposti tal-kubrit, u kontaminanti oħra filwaqt li tinżamm id-dehra tradizzjonali.


“Wara t-tneħħija u t-tindif tal-kisi tas-siment u tal-ġibs, il-ġebel tal-ġir diżintegrat se jiġi sostitwit b’course heights li jaqbel mal-oriġinal. Xogħol tal-ġebel li jkun iddeterjorat sal-punt li jhedded l-istabbiltà u jtellef mid-dehra arkitettonika tal-bini jew ikun perikoluż għall-utenti jew għal min jgħaddi ser jiġi sostitwit ukoll,” temmet tgħid il-Perit Frendo.



Comentarios


bottom of page