top of page

MOU bejn Heritage Malta u l-MCAST b'korsijiet fil-konservazzjoni u aċċess bla ħlas għal siti storiċi



MOU bejn Heritage Malta u l-MCAST jaħseb għal korsijiet fil-konservazzjoni u aċċess bla ħlas għal siti storiċi

Heritage Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) ffirmaw Memorandum of Understanding li jaħseb, fost affarijiet oħra, għall-ħolqien ta’ korsijiet full-time fl-MCAST li jwasslu għal Baċellerat u Masters fil-Konservazzjoni. Il-ftehim jipprovdi wkoll għal aċċess bla ħlas għal studenti tal-MCAST meta jżuru mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta.

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa pass importanti biex iniedi t-triq għal kollaborazzjoni sħiħa bejn l-entità li tħares il-wirt nazzjonali u l-MCAST. “L-edukazzjoni hija kruċjali għat-tisħiħ tal-ekosistema favur il-wirt storiku f’pajjiżna. Il-konservazzjoni hi qasam ta’ tagħlim importanti ħafna għall-pajjiż u b’dan il-pass l-MCAST se tkun qed tagħti kontribut importanti ferm li l-frott tiegħu se jinqata’ fis-snin li ġejjin.”

Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-istudenti li se jidħlu għal dawn il-korsijiet ġodda se jkunu f’pożizzjoni li, ladarba jispiċċaw l-istudji tagħhom, jagħtu kontribut lis-settur tal-patrimonju storiku.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il- kollaborazzjonijiet bejn l-MCAST u diversi entitajiet oħra li qed ipoġġu l-istudent bħala prijorità. “Bil-ħolqien ta’ dawn il-korsijiet, l-MCAST qed tkompli tagħmel passi kbar ’il quddiem bħala Kulleġġ li dejjem qed ikabbar il-prospett tiegħu biex dejjem jagħti aktar opportunitajiet lil studenti ħalli dawn jilħqu l-aspirazzjoni tagħhom”, qal il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li dan l-MoU għandu l-għan li jikkonsolida r-relazzjoni twila bejn Heritage Malta u l-MCAST, permezz tal-qsim ta’ riżorsi tekniċi, akkademiċi u umani u permezz ta’ appoġġ lill-istudenti u l-għalliema biex dejjem iżommu ruħhom aġġornati mal-aħħar żviluppi fl-oqsma tal-wirt kulturali u l-konservazzjoni.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Joachim James Calleja, qal, “Il-komunità tal-Kulleġġ tista’ tikkontribwixxi permezz ta’ riċerka u proġetti fuq diversi suġġetti li huma relevanti għal Heritage Malta. Dan jinkludi diversi oqsma fosthom il-konservazzjoni, il-marketing, il-ġbir ta’ dejta, l-interpretazzjoni, id-disinn, l-arti kreattiva, l-esperjenza tal-viżitaturi, IT, finanzi u xjenza. Aħna nemmnu fit-tagħlim lil hinn mill-klassi, u l-aċċess għal mużewijiet u siti ta’ wirt huwa opportunità ta' tagħlim biex l-istudent jiskopri aktar dwar l-istorja u l-kultura tagħna”.


Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, ser toffri boroż ta’ studju b’rabta ma’ dawn il-lawrji u oħrajn, skont il-ħtiġijiet li jinqalgħu minn żmien għal ieħor. L-aġenzija se tiggarantixxi impjieg full-time lil numru limitat ta’ studenti wara li jlestu b’suċċess il-kors rispettiv tagħhom.

Is-Segretarju Permanenti Joyce Cassar, f’isem l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, qalet li ladarba l-kors tal-Baċellerat fil-Konservazzjoni jkun lest biex jiġi mniedi, hu ppjanat li jitmexxa bl-istess mod bħall-iskema tal-istudenti tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Dan l-Istitut huwa impenjat lejn aktar kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta permezz ta’ taħriġ u żvilupp anke għall-impjegati eżistenti tal-aġenzija.

Minbarra aċċess b’xejn fis-siti u mużewijiet kollha—għajr l-Underground Valletta u l-Ipoġew—lil aktar minn 8,000 student tal-MCAST, Heritage Malta se tagħti skontijiet speċjali fuq il-pubblikazzjonijiet tagħha lill-istudenti u l-għalliema tal-MCAST, filwaqt li se tipprovdi pubblikazzjonijiet bla ħlas lil-libreriji tal-kulleġġ. L-Aġenzija se toffri wkoll is-siti tagħha biex iservu bħala estensjoni tal-klassi għall-għalliema tal-MCAST. Kull fejn ikun possibbli, sessjonijiet prattiċi u ta’ fieldwork se jsiru f’siti ta’ Heritage Malta, inkluż il-laboratorji xjentifiċi tal-aġenzija u dawk tal-konservazzjoni.






Comments


bottom of page