top of page

MPOpening Notes: imħabbar il-kunċert li jiftaħ l-istaġun tal-MPO



L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ippreżentat b’mod uffiċjali il-kunċert li bih tiftaħ l-istaġun tagħha – MPOpening Notes, fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-kunċert li jiftaħ l-istaġun qiegħed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tagħti spettaklu bla ħlas taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.


Il-President George Vella

Il-President George Vella wera l-apprezzament għal din l-inizjattiva li titnieda skema mill-MPO biex tħajjar iktar nies jattendu attivitajiet mtella’ mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.  Fl-istess ħin, bl-iskema ta’ sħubija fl-MPO, il-pubbliku se jkun qed jgħin lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) b’kontribut finanzjarju għax-xogħol li din il-Fondazzjoni qed twettaq ma’ dawk l-iktar fil-bżonn.


Waqt it-tnedija, il-Ministru Owen Bonnici faħħar din il-kollaborazzjoni  speċjalment minħabba li tkompli ssaħħaħ il-firxa ta’ avvenimenti artistiċi u kulturali ta’ dan it-tip li huma disponibbli għall-pubbliku, speċjalment għal kawża ġusta. “Apparti l-fatt li dan il-kunċert huwa żieda sabiħa għall-kalendarju kulturali li dejjem qiegħed jikber u huwa mfittex ħafna minn viżitaturi ta’ pajjiżna, kif ukoll Maltin, dan il-kunċert qiegħed jipprovdi wkoll opportunità lil artisti lokali biex jippromwovu t-talent tagħhom,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici. Hu għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha involuti biex jitwettaq dan il-proġett u qal li avvenimenti bħal dawn saru parti intrinsika biex insaħħu l-komunitajiet tagħna.


Bil-parteċipazzjoni ta’ Claire Ghigo u Federica Falzon, Michelle Castelletti se tkun qiegħda tmexxi l-orkestra f’numru ta’ diski magħrufa. Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Orkestra, Sigmund Mifsud, issottolinea li x-xogħol li se jittella’ se jinkludi l- William Tell Overture, Bizet’s Habanera, Con Te Partirò, Offenbach’s Infernal Galop, u Elgar’s Nimrod.

Mifsud semma wkoll l-aġġornament għall-Iskema tal-membri tal-MPO, li toffri lil membri l-opportunità biex ikunu parti mill-ensemble mużikali nazzjonali ta’ Malta għal €10 filwaqt li jibbenefikaw minn biljetti limitati għal €1 u skonti ta’ 50%. Id-dħul sejjer kompletament għall-Malta Community Chest Fund Foundation.


Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-VCA hija kburija li għal darb’oħra qed tagħti l-appoġġ tagħha u tikkollabora mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-ftuħ ta' dan l-istaġun. “Inizjattivi bħall-kunċert MPOpening Notes iservu ta’ pjattaforma sabiex nesponu l-kwalità eċċellenti ta’ mużiċisti lokali fil-qalba tal-belt kapitali tagħna. Dan huwa proprju dak li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta taħdem bis-sħiħ biex tagħmel, permezz tal-kollaborazzjoni tagħha ma' Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u entitajiet oħra.”

Il-kunċert MPOpening Notes se jittella’ nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ fit-20:30. Filwaqt li d-dħul huwa bla ħlas, il-postijiet huma disponibbli fuq bażi ta’ first-come first served.

Comments


bottom of page