Għaddejjin l-aħħar preparamenti tal-Karnival fil-Belt Valletta
Nhar il-Ħamis 8 ta’ Frar fis-6.30pm se jittella’ għall-ewwel darba l-Karnival fiż-Żurrieq. Din l-attività se tittella’ quddiem il-Knisja taż-Żurrieq u fit-toroq tal-madwar u se tinkludi wkoll kompetizzjoni tal-kostumi organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Din l-attività tal-Karnival se tinkludi l-parteċipazzjoni tal-maskeruni, installazzjonijiet karnivaleski, u żfin.
Fl-istess ħin, għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-Karnival fil-Belt Valletta fejn il-kumpaniji tal-Karnival qed jagħmlu l-aħħar provi u l-karristi qed ilestu l-aħħar xogħlijiet fuq il-karrijiet tagħhom. Il-Karnival ta’ Malta se jittella’ mid-9 sat-13 ta’ Frar u qed jiġi organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq fuq is-sinifikat tat-tixrid tal-kultura fil-lokalitajiet, fosthom fil-lokalità taż-Żurrieq fejn ser naraw l-ewwel edizzjoni tiegħu din is-sena. “Hekk kif għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-Karnival, dan kollu huwa ta’ ġid biex il-kultura tkompli tinfirex fit-toroq u l-pjazez ta’ pajjiżna,” tenna l-Ministru Bonnici, filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera kollha u lil dawk kollha li qed jieħdu sehem biex itellgħu edizzjoni oħra ta’ suċċess.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva ta’ Festivals Malta li għal darb’oħra qed iwasslu ċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali u kulturali tal-Karnival fil-qalba ta’ lokalità bħaż-Żurrieq. “Permezz ta’ din l-inizjattiva b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali taż-Żurrieq, qed nagħmlu l-festa tal-Karnival aktar aċċessibbli minn kulħadd u inklussiva għaliex qed tkun ċċelebrata l-barra mill-Belt Valletta u l-Furjana kif tradizzjonalment isir,” spjegat is-Segretarju Parlamentari.
Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li ċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival fiż-Żurrieq din is-sena hija waħda li turi d-dedikazzjoni tal-Aġenzija li tkompli xxerred l-attivitajiet kulturali lil hinn mill-qalba taż-żoni kulturali ta’ pajjiżna. “Sodisfatti li bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq qed nippreżentaw fergħa ġdida għall-Karnival ta’ Malta fin-nofsinhar ta’ gżirietna.”
Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius semma kif permezz ta’ din l-attività li qed tittella’ fiż-Żurrieq, il-Karnival qed jilħaq komunitajiet ġodda u juri l-elementi tant varjat tiegħu fi bnadi li qatt ma esperjenzawh fuq din l-iskala.
Id-Direttur Artistiku Jason Busuttil spjega li wara s-suċċess tas-Sibt fiċ-Ċentru tal-Artiġjanat f’Ta Qali kif ukoll il-Ħadd li għadda fil-lokalità tal-Ħamrun, issa jmiss il-karnival fil-lokalità taż-Żurrieq. Huwa spjega li waqt din l-attività se jkun hemm numru ta’ karrijiet u maskaruni kif ukoll bosta skejjel taż-żfin.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku taż-Zurrieq Rita Grima, kif ukoll diversi membri tal-istess Kunsill Lokali.
Comments