top of page

Ninvestu f’dak li jagħtina identità – il-Prim Ministru Robert Abela jżur restawr estensiv li qed isir fil-Knisja tal-Ġiżwiti



 

“Il-ħarsien tal-patrimonju Malti ma jiqafx biss mar-restawr u l-preservazzjoni iżda r-rieda li nkomplu ninċentivaw it-tgawdija tal-wirt li jagħtina identità.” Hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela, li fi żjara li għamel f’dik magħrufa bħala l-Knisja tal-Ġiżwiti, ra x-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa, kif ukoll ix-xogħol li diġà tlesta. Dan kollu se jkun qed jitgawda mill-pubbliku nhar is-Sibt li ġej waqt l-attività tan-Notte Bianca, fil-Belt Valletta.

 

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-President tal-Fondazzjoni  tal-Knisja tal-Ġiżwiti Rev. Dr Nicholas Doublet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-wirt storiku jeħtieġ jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti iżda rridu naħsbu wkoll f’dawk futuri. Kien hawn li semma kif bħala pajjiż irridu nibqgħu nappoġġjaw bis-saħħa proġetti ta’ konservazzjoni u restawr. Żied jinnota l-interess li jiġbdu lejhom siti storiċi u inizjattivi bħall-passaport tat-tfal u tal-anzjani li jagħtu inċentivi sbieħ għal dawk li jżuru ċertu siti storiċi, qed ikattru l-interess, tant li llum hemm mas-56,000 persuna li jgawdu minn dan.

 

Hu u jżur ix-xogħlijiet kumplessi li qed isiru f’din il-knisja bi storja estensiva sa mit-twelid tal-kapitali, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-investiment fil-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali tagħna mhux eċċezzjoni. “Qed inkomplu nżidu l-investiment u mhux inaqqsuh,” qal Dr Abela, filwaqt li faħħar ukoll l-irwol ta’ entitajiet privati bħall-Fondazzjoni HSBC Malta, li appoġġjat ukoll parti mir-restawr estensiv li qed isir. Dan apparti li l-gvern, permezz tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, għaddej bi proġett ta’ restawr u preservazzjoni sabiex din il-ġawhra patrimonjali fil-qalba tal-Belt tirritorna għall-istat glorjuż tagħha u tkompli titgawda min-nies.

 

Uħud mix-xogħlijiet li twettqu bi sħab mal-gvern jinkludu, xogħlijiet fuq il-ħitan u s-saqaf u r-restawr tal-artal fl-Oratorju. Sar tibdil ukoll fis-sistemi elettriċi eżistenti, saru tiswijiet fil-ġebel, fil-balavostri, restawr tat-twieqi, tiswija tal-art tal-irħam fl-oratorji u fis-sagristija, u ġiet introdotta sistema ta’ detezzjoni tan-nar u ġew installati dwal ġodda fis-sagristija. Saru wkoll xogħlijiet fuq is-suffitt fl-Oratorju tal-Onorati fejn ġiet ippreservata l-iskema dekorattiva.

 

Il-prim ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu b’tant dedikazzjoni fuq dan il-proġett tant importanti ta’ restawr. Qal li r-riżultati ekonomiċi li niksbu iwasslu biex ninvestu fl-oqsma kollha, mhux b’inqas fil-qasam kulturali u storiku. “Irridu nkunu grati lejn dak li jagħmilna Maltin u dan il-preżent b’saħħtu jrid ifisser futur sabiħ billi nħallu lil ta’ warajna dak li nħarsu llum,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

 



 


 

Comments


bottom of page