Kitba meħuda mill-gazzetta ‘Illum’ (Il-Ħadd 20 ta’ November 2022) paġna numru 02.
ll-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Zerafa Civelli żaru x-xogħol ta’ restawr li qed jsir fuq il-Bastjun ta’ San Ġwann u l-Bieb Barokk f’Bormla. Dan il-proġett jagħmel parti minn proġett ferm ikbar li jħares lejn ir-restawr ta’ parti sostanzjali tal-Cottonera Lines u l-Margherita Lines, mill-Bastjun ta’ San Pawl sas-Sur ta’ San Klement u l-Bastjun ta’ Notre Dame.
Il-valur tax-xogħlijiet li qed jitwettqu fuq is-Sur ta’ San Ġwann u fuq il-Bieb Barokk jammontaw għal €500,000. Huwa ppjanat li dawn ix-xogħlijiet, li bdew f ’Awwissu 2021, jintemmu sal-aħħar ta’ din is-sena.
L-interventi kienu jinkludu tneħħija ta’ veġetazzjoni invażiva; il-konsolidazzjoni tal-wiċċ tal-ġebla oriġinali; il-bdil ta’ ġebel iddeterjorat; il-qlugħ temporanju u r-rikostruzzjoni ta’ żoni instabbli, u tikħil. Issa li r-restawr tas-sur tlesta, ix-xogħlijiet qed jiffokaw aktar fuq ir-restawr tal-Bieb Barokk.
Il-Ministru Owen Bonnici, fl-intervent tiegħu qal li, “Permezz ta’ din il-ħidma qed tiġi mwettqa wkoll wegħda elettorali. M’aħniex se nieqfu milli nkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn il-wirt kulturali għaliex b’dan il-mod qed nissalvagwardjaw il-wirt patrimonjali ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret ix-xogħol li sar mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr u qalet li grazzi għal dan l-investiment qed jiġi ppreservat il-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri. “Dan, filwaqt li nsaħħu l-valur turistiku tal-lokalitajiet tal-madwar,” ikkonkludiet is-segretarju parlamentari.
Iċ-Chairman tal-Kottonera Foundation Glenn Bedingfield qal li, “Permezz ta’ dan ix-xogħol qed naraw l-Istrateġija tal-Kottonera titwettaq u issa qed tilħaq il-lokalitajiet li jmissu mat-tliet ibliet. Irridu wkoll riġenerazzjoni għan-nies u għalhekk qed inħejju pjanijiet biex l-ispazji miftuħa madwar is-swar ikunu spazji ġodda li jitgawdew minn nies.”
Comments