Imniedi programm varjat li jinkludi prestazzjonijiet madwar il-Belt Valletta kollha
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta, nedew il-programm għal din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca li ser issir is-Sibt 5 ta’ Ottubru 2024.
Il-Ministru Bonnici spjega kif din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca ser tinkludi ’l fuq minn 50 attività imxerrda madwar il-Belt Valletta u li b’kollox ser tinvolvi madwar 250 artist lokali u internazzjonali tal-għola kwalità.
“Isir sforz kbir biex ikollna varjetà ta’ attivitajiet jappellaw għall-etajiet kollha, u jkompli jżid il-valur tal-kultura f’pajjiżna. Grazzi għall-impenn ta’ Festivals Malta u l-kollaboraturi kollha, tax-xogħol eċċellenti fil-promozzjoni tal-wirt artistiku,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra qal, “Notte Bianca hija waħda mill-akbar avvenimenti fil-portafoll ta’ Festivals Malta li tinkludi diversi attivitajiet għal udjenzi varji. Sodisfatti li ta’ kull sena dan il-festival kulturali qiegħed dejjem jikber, kemm f’dik li hija produzzjoni u organizzazzjoni, kif ukoll fejn tidħol il-kwalità tax-xogħol preżentat mill-artisti tagħna. Kommessi biex bħala Festivals Malta nkomplu naħdmu biex Notte Bianca tkompli tkun ta’ suċċess kif dejjem kienet.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius spjega li din is-sena Notte Bianca qed tagħti prijorità lil diversi produzzjonijiet lokali, bil-maġġoranza mill-avvenimenti ppreżentati fil-programm huma lokali. “Notte Bianca toffri opportunità biex l-artist lokali jesebixxi xogħlu. Ħafna mill-produzzjonijiet li għandna huma oriġinali u maħduma apposta għal Notte Bianca u dan juri l-impenn u d-dedikazzjoni tal-artisti tagħna li dejjem jaħdmu fi ħdan il-kultura ta’ pajjiżna,” tenna s-Sur Agius.
Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Antoine Farrugia ta aktar dettalji dwar il-programm ta’ din is-sena, filwaqt li fiehem kif wieħed għandu jagħmel biex igawdi kemm jista’ jkun mill-proġetti. “Waħda mill-prijoritajiet fit-tfassil tal-programm ta’ Notte Bianca hija l-varjetà. B’hekk bħal kull sena oħra qed naraw programm varjat li jappella għat-tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani. Din is-sena erġajna introduċejna r-rotot ukoll li jgħinu lill-udjenzi tagħna jsibu dak il-proġett li jinteressahom l-aktar u fl-aħħar mill-aħħar jippjanaw il-lejl tagħhom bl-aktar mod effiċjenti.”
Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ 89.7 Bay, Bay Easy u European Heritage Days. Għal aktar informazzjoni u għall-programm komplut wieħed għandu jżur www.festivals.mt/nb.
Comments