top of page

Open Day fil-Palazz tal-Gran Mastru: Opportunità biex tidħol fi swali li qatt ma kienu miftuħin



Open Day fil-Palazz tal-Gran Mastru: Opportunità biex tidħol fi swali li qatt ma kienu miftuħin għall-pubbliku sa issa



Nhar il-Ħadd 11 ta’ Diċembru, Heritage Malta se tagħti lill-pubbliku l-opportunità unika li jżur il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u jidħol fi swali li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih.

Il-Palazz ilu magħluq diversi xhur biex jitwettaq proġett ta’ restawr. Dan il-proġett, li għaddej bħalissa, huwa stmat li se jiswa madwar €30 miljun, b’€10 miljun minnhom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fażijiet minn dan il-proġett mistennija jibdew jinfetħu għall-pubbliku fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.

It-tagħrif dwar l-Open Day ingħata f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Open Day se tkun l-aħħar opportunità għall-pubbliku biex jidħol fil-Palazz tal-Gran Mastru u jara x-xogħlijiet għaddejjin, qabel ma l-palazz jerġa’ jibda jilqa’ l-viżitaturi b’mod regolari.

“Il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi l-proġett ta’ restawr fil-fażijiet kollha tiegħu, billi jidħol fi swali fejn ix-xogħlijiet għadhom għaddejjin, żoni fejn ix-xogħlijiet għad iridu jibdew, u kmamar fejn ix-xogħlijiet tlestew għal kollox,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

“Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi,” ikkonkluda Dr Bonnici.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal; “Permezz tal-fondi Ewropej qegħdin inwettqu proġett ieħor ta’ restawr li se jkompli jkabbar il-ġmiel tal-Palazz tal-Gran Mastru u jagħtih lura l-ġieħ li jistħoqqlu, u nhar il-Ħadd nistieden lill-pubbliku sabiex jiġi jżur ix-xogħlijiet u jara x’wettaqna sa issa”.

Fost l-ispazji li l-pubbliku se jkun jista’ jidħol fihom u li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih hemm is-Swali Statali li għadhom kemm ġew restawrati, il-bejt (jekk it-temp jippermetti), u s-swali li jservu bħala uffiċini għall-President tar-Repubblika.

It-tours se jsiru kull siegħa u jibdew fid-9.30am. L-aħħar dħul ikun fl-4.30pm. Id-dħul fil-Palazz tal-Gran Mastru fl-Open Day se jkun bla ħlas iżda min jixtieq jista’ jagħmel donazzjoni ta’ flus b’risq il-Malta Community Chest Fund. Matul l-Open Day se jkun hemm għall-bejgħ pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta.





Comments


bottom of page