Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima preżentaw iċ-ċertifikati lill-istudenti ta’ MQF 3 fil-ħdax–il sena matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport .
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport tagħti ċans lill-istudenti atleti ta’ bejn is-seba’ sena u l-ħdax-il sena skolastika li jsegwu programm speċjalizzat fuq dixxiplini sportivi differenti. Matul il-ħames snin fl-iskola sekondarja, dawn l-istudenti atleti għandhom madwar 500 siegħa ddedikati biex jiżviluppaw u jkomplu jsaħħu t-talenti sportivi tagħhom. L-iskola riedet tagħti valur għal dawn il-ħinijiet twal ta’ taħriġ u għalhekk inħolqu żewġ programmi: Foundations in Sports Specific, MQF 2 u Progressive Sports Specific, MQF 3. Dawn iż-żewġ programmi ġew akkreditati MQF 2 u MQF 3 rispettivament mill-Malta Qualifications Framework. Iż-żewġ programmi jimmiraw lejn għarfien, ħiliet u kompetenzi speċifiċi fejn dawn l-istudenti atleti huma mistennija li jiksbu fl-aħħar taż-żewġ programmi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, qal li, “l-Iskola Nazzjonali tal-Isport għandha l-irwol fundamentali li tiżviluppa studenti-atleti ddeterminati u li kapaċi jirnexxu. Dan sabiex eventwalment jirnexxilhom jagħmlu lil Malta kburija billi jikkompetu f’attivitajiet sportivi u prestiġjużi filwaqt li joffru l-aħjar servizzi lis-soċjetà Maltija bħala professjonisti li jaħdmu f’diversi oqsma. Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi li nipprovdu lill-istudenti tagħna għarfien edukattiv vast kemm jekk ikun akkademikament jew inkella relatat mal-isport. Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti huma mħeġġa jsegwu u jinvestu fil-ħiliet sportivi tagħhom. L-għan tal-ministeru tagħna hu li ninkoraġġixxu bilanċ bejn l-akkademika u l-isport sabiex l-istudenti jkollhom stil ta’ ħajja b’saħħtu. Bl-għajnuna ta’ dan il-programm, l-istudenti jingħataw l-opportunità li jesploraw karrieri relatati mal-isport, li jistgħu jiftħulhom opportunitajiet kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna."
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq dwar l-importanza tal-iżvilupp sħiħ taż-żgħażagħ u nassiguraw li dawn jingħataw l-għodda meħtieġa sabiex ikomplu jiżviluppaw fid-dixxiplina sportiva tagħhom u jkomolu jiksbu riżultati għal Malta.
Fl-aħħar nett Clifton Grima rringrazzja lill-istudenti tal-impenn tagħhom u falkarhom li meta jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta barra xtutna, dawn qed ikunu wkoll ambaxxaturi ta’ pajjiżna
Il-Kap tal-Iskola, Robert Magro, qal li, “l-għan ewlieni kif ukoll il-missjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport huwa li jgħin lill-istudenti jeċċellaw fl-isport u jirnexxu wkoll fl-aspett akkademiku. Il-prijorità prinċipali tagħna hija li nassiguraw li l-istudenti tagħna huma mgħallmin b’mod olistiku sabiex jintlaħaq il-potenzjal massimu tagħhom. Min-naħa tagħna nagħmlu l-almu kollu tagħna sabiex nipprovdu l-aħjar possibbli. Għal din ir-raġuni, kwalunkwe opportunità li teżisti u li tista’ tgħin lill-istudenti biex jiżviluppaw kemm fl-aspett sportiv kif ukoll fl-aspett akkademiku, f’pajjiżna, u anke barra minn xtutna, tkun sfruttata b’mod komplet u pożittiv. Dawn l-okkażjonijiet joħorġu l-aħjar possibbli mill-istudenti tagħna u jagħmluhom iktar assertivi u kompetittivi. Fl-istess ħin, l-istudenti huma mħeġġa biex jagħmlu ħilithom ħalli jipparteċipaw b’mod ġust. L-għan tagħna huwa wkoll li nħarrġu lill-istudenti tagħna biex japprezzaw dak kollu li nagħmlu magħhom. Huma għandhom japprezzaw l-isforzi kollha li jagħmlu magħhom il-ġenituri tagħhom, l-għalliema, min jieħu ħsiebhom kif ukoll is-sistema edukattiva fl-intier tagħha. Aħna nemmnu li l-ħila sabiex turi rispett lejn ħaddieħor, tkun moralment b’saħħtek u ġust, filwaqt li tagħti dak kollu li tista’, huma l-bażi ta’ individwu determinat u b’rieda soda.”
Dan iċ-ċertifikat għandu l-istess valur daqs ċertifikat tal-Matrikolazzjoni tal-Università ta’ Malta u l-istudenti-atleti jistgħu jippreżentaw dan iċ-ċertifikat biex japplikaw għall-iskejjel post-sekondarji.
Comentarios