Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru 2024) paġna numru 6
I l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u lGvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li matul is-sena li ġejja se jkunu qegħdin jingħataw bidu, jissoktaw jew jitwettqu total ta’ 40 proġett ta’ restawr, liema proġetti jvarjaw minn proġetti ta’ skala żgħar u medji għal oħrajn ta’ daqs maġġuri. Fir-rigward il-Ministru Bonnici sostna li, “dan huwa programm ta’ restawr qawwi li se jkompli jsebbaħ lil Malta pajjiżna, ikompli jindokra l-wirt patrimonjali uniku ta’ gżiritna u fuq kollox se jrodd lill-familji Maltin u Għawdxin pajjiż ta’ kwalità. Pajjiż ta’ kwalità jingħaraf mhux biss mis-suċċess ekonomiku tiegħu iżda wkoll u mhux l-inqas, minn kemm jindokra l-wirt patrimonjali tiegħu u l-oqsma tal-arti u l-kultura”.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali saħaq dan matul konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis wara nofsinhar u dan b’rabta mal-Budget 2025 li tħabbar nhar it-Tnejn li għadda. F’kumment li ta lil dan il-ġurnal il-Ministru Owen Bonnici qal li, “ilBudget 2025 juri l-impenn tal-Gvern Malti għat-tkabbir fl-investiment u fl-għarfien fil-qasam tal-arti, il-kultura u l-patrimonju lokali. Fil-qalba tiegħu, juri l-viżjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ kwalità, mhux biss ekonomikament iżda wkoll fil-livell ta’ kwalità ta’ ħajja li tista’ sseħħ permezz tal-wirt storiku, talent lokali u żvilupp kulturali”
Il-konferenza saret ġewwa Villa Gwardamangia li tirrappreżenta waħda mill-40 proġett ta’ restawr li se jkunu qegħdin isiru, f’dan il-każ bis-saħħa ta’ €10.2 miljun f’fondi Ewropej. F’din il-Villa kienu residenti, b’mod intermittenti, bejn l-1949 u l1951, il-Prinċipessa Eliżabetta u l-Prinċep Filippu u għalhekk għandha aspett storiku mill-iktar uniku u importanti.
Villa Gwardamangia se titgawda mill-Maltin u mit-turisti
Il-Ministru Bonnici qal li wara li l-Ministeru kien akkwista din il-Villa minn idejn sidien privati biex litteralment isalvaha, issa Heritage Malta se toħroġ l-ewwel tenders għax-xogħolijiet ġewwa din id-dar. Saħaq li meta dan il-proġett ikun lest, din il-Villa se tkun tista’ titgawda mill-poplu Malti u t-turisti li jiġu jżuruha.
Proġett ieħor maġġuri li ħabbar se jkun qiegħed isir minn Heritage Malta huwa dak b’rabta tar-restawr talMain Guard, fi Pjazza San Ġorg fil-Belt Valletta u dan b’investiment ta’ €600,000 minn fondi nazzjonali bilmira tkun li dan il-proġett jitlesta sas-sena 2027.
Il-Ministru Bonnici elenka xogħlijiet oħra ta’ restawr taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni li jinkludu t-tkomplija tar-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti b’investiment totali ta’ €4.5 miljun, ir-restawr, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, ta’ iktar swar fil-Kottonera u fil-linji ta’ Santa Margerita, ir-restawr tat-Torri Vendome f’Marsaxlokk, ir-restawr tal-mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla u r-rijabilitazzjoni tal-ex-Istazzjon tatTram tal-Marsa fost oħrajn.
Xogħol estensiv fil-qasam kulturali
Se jkompli ix-xogħol ta’ restawr fil-Muzew Marittimu biex dan jitlesta sal2027. F’dan il-mużew ġewwa l-Birgu, diga’ saru xogħlijiet estensivi li kienu jinkludu restawr, tindif, twaqqigħ, rikostruzzjoni u riabilitazzjoni fil-partijiet dilapidati fuq wara tal-mużew. Il-Ministru Bonnici qal li s-sena d-dieħla se jkunu lesti wkoll ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Monument tal-Vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Bonnici rrefera wkoll għal żewġ proġetti ta’ infrastruttura kulturali maġġuri li saru matul din il-leġiżlatura, jiġifieri r-restawr tal-Palazz tal-Granmastru b’investiment ta’ €40 miljun (parti minnhom fondi Ewropej) u l-ftuħ tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanju ta’ Malta (il-MICAS) b’investiment ta’ €30 miljun (parti minnhom fondi Ewropej). Huwa qal li ladarba dawn iż-żewġ proġetti ġew kompluti, il-fokus se jkun fuq il-proġett infrastrutturali kulturali maġġuri li jmiss li huwa l-Culture and Arts Hub fil-Marsa, li se jinkludi fih, fost oħrajn il-faċilitajiet għad-dilettanti tal-Karnival. Huwa spjega li, “issa li ġie assigurat finanzjament ta’ €15-il miljun minn fondi Ewropej, Festivals Malta se tkun qiegħda toħroġ fil-jiem li ġejjin l-ewwel minn żewġ tenders biex b’hekk, wara li ġie assigurat b’mod definittiv l-art fil-Marsa, jittellaq ilproġett li tant huwa mistenni minn diversi nies involuti fis-settur kulturali”.
Il-Ministru Bonnici tkellem fuq żewġ proġetti oħra ta’ importanza li se jsiru bis-saħħa ta’ finanzjament li ngħata fil-Budget li għadda. L-ewwel wieħed huwa dak li se jara l-ħolqien ta’ “Sculpture Garden” fuq in-naħa ta’ wara tal-Galleriji fi ħdan il-kumpless tal-MICAS u dan b’investiment addizzjonali ta’ €600,000, bit-tieni wieħed imbagħad ikun investiment ta’ €3 miljun fis-sit magħruf bħala Malex House, proprjetà tal-Public Broadcasting Services Limited li bis-saħħa ta’ dan il-finanzjament, se jara l-ħolqien ta’ underground car park, studjo kbir u uffiċini fuq l-istudjo mgħammar b’apparat state-of-the-art.
Inizjattivi oħra mħabbra fil-Budget 2025…
Fl-konferenza ssemmew ukoll għal għadd ta’ inizjattivi oħra mħabbra fil-Budget b’rabta mal-kultura. Fost dawn hemm il-parteċipazzjoni ta’ Malta għall-ewwel darba fil-Biennale ta’ Gwangju, fil-Korea t’Isfel, liema parteċipazzjoni tirrappreżenta opportunità kbira għall-artisti lokali. Il-Ministru Bonnici temm b’referenza għal diversi kollaborazzjonijiet li se jsaħħu l-ġid kulturali, fosthom dik bejn l-Aġenzija tal-Arti Performattiva u l-MCAST bil-għan li jiġi żviluppat is-sit f’Raħal Ġdid li jservi bħala uffiċini u studjos għaż-żeffiena u artisti oħra u dik bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Malta Visual and Performing Art School biex jiġu immassimizzati r-riżorsi għall-ġid tas-settur kreattiv.
Komentáře