top of page

Proprjetà oħra ta’ Soċjetà Mużikali li kienet f’riskju serju ta’ żgumbrament tinxtara mill-Gvern



 

Jitilgħu għal sitta l-proprjetajiet ta’ Soċjetajiet Mużikali li nxtraw mill-Gvern, b’sitt proprjetajiet oħra jinsabu fuq konvenju

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda x-xiri tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977. Din tingħaqad ma’ ħames Soċjetajiet Mużikali oħra, jiġifieri s-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own ta’ Birkirkara u s-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u s-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, li issa l-Gvern hu s-sid tas-sede prinċipali tas-Soċjetà.

 

Fl-istess waqt hemm sitt sede ta’ Soċjetajiet Mużikali oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju mas-sidien privati tagħhom. Dawn it-tnax-il Soċjetà kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti, u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa l-inizzjattiva sabiex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull komunità. Filwaqt li enfasizza t-twemmin tal-Gvern fil-benefiċċji sinifikanti li joħorġu mill-appoġġ lill-festi Maltin, huwa saħaq li hu kruċjali li dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jiffunzjonaw u jibqgħu aċċessibbli għall-komunitajiet rispettivi tagħhom.

 

Il-Ministru fisser id-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni biex jixtri l-każini li kienu f’riskju imminenti ta’ żgumbrament bħala waħda importanti għat-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment meta wieħed iqis ir-rikonoxximent riċenti mill-UNESCO tal-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.

 

Is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977 ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €250,000.  B’kollox il-Gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tas-sitt proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis is-sitt proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.

 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Affarijiet Korporattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti Eric Fenech Sevasta stqarr, “Dan l-investiment huwa  wieħed minn sensiela ta' investimenti li saru biex nassiguraw li l-identità u t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu ħajjin u jkomplu jingħataw il-hajja fil-komunitajiet tagħna.”



 

 



 

Comentarios


bottom of page