top of page

Restawrata l-faċċata tal-Knisja tas-Salib Imqaddes fil-Furjana




Ġie inawgurat proġett ta’ restawr li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tas-Salib Imqaddes fil-Furjana, magħrufa aħjar bħala tal-Patrijiet Kapuċċini.

Dan ix-xogħol sar permezz ta’ fondi mill-Aġenzija Komunità Malta, b’koperazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Ir-restawr fuq din il-knisja, li għandha ’l fuq minn 400 sena, kien jikkonsisti f’tibdil ta’ ġebel li kien waqa’ jew wasal biex jaqa’, qlugħ ta’ dawl antik kif ukoll it-tindif tal-ġebla tal-faċċata eżistenti.

L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Provinċjal tal-Patrijiet Kapuċċini, P. Ivan Scicluna.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi fuq bażi regolari.

“Grazzi għall-kollaborazzjonijiet bejn l-Aġenzija Komunità Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti, qed inkomplu nsaħħu l-postijiet storiċi li jinsabu fl-irħula u fl-ibliet rispettivi li huma sors ta’ kburija għall-komunitajiet. Dan ir-restawr ikompli jissalvagwardja dawk l-aspetti importanti tal-wirt tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li jinsab sodisfatt li l-Aġenzija Komunità Malta qed terġa’ tinvesti fil-wirt kulturali ta’ pajjiżna, apparti l-investimenti li qed tagħmel fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Spjega li fl-aħħar snin din l-aġenzija wettqet diversi proġetti madwar il-gżejjer tagħna li permezz tagħhom ġie priservat il-patrimonju Malti, inkluż dak reliġjuż, li hu għal qalb ħafna l-poplu Malti.

“L-Aġenzija Komunità Malta u anke fi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti, qed nibqgħu ninvestu mhux biss fil-komunitajiet tagħna imma anke fil-wirt kulturali tagħna. Għamilna dan il-proġett mal-Patrijiet tal-Kapuċċini fil-knisja tagħhom fil-Furjana, fejn issa mhux biss din il-knisja għandha dehra isbaħ, imma anke sar restawr estensiv tal-faċċata tagħha. Kommessi li nibqgħu nagħmlu dawn it-tipi ta’ proġetti permezz tal-Aġenzija Komunità Malta, għax fl-aħħar mill-aħħar tgawdi l-komunità tagħna,” temm jgħid il-Ministru Camilleri .

Intant, ix-xogħlijiet kienu bdew fi żmien it-terminu provinċjali tal-eks Provinċjal P. Effie Mallia, wara li l-knisja ma setgħetx tiftaħ għall-pubbliku minħabba li beda jaqa’ l-ġebel minn mal-faċċata tagħha, u l-knisja kellha tingħalaq għall-aċċess tan-nies. Huwa spjega li l-Provinċja tal-Kapuċċini kienet talbet għall-għajnuna sabiex jiġu rranġati dawn il-ħsarat u l-patrijiet, bil-għajnuna ta’ aġenziji governattivi, daħlu għal dan il-proġett ta’ restawr.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta, Joe Mizzi, kif ukoll is-Sindku tal-Furjana, Vincent Borg. L-investiment fuq ir-restawr ilaħħaq il-€50,000.







Comments


bottom of page