top of page

Sajf mimli esperjenzi sbieħ għall-istudenti li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta



L-istudenti li jagħmlu użu mill-passaport ta’ Heritage Malta għandhom quddiemhom sajf ieħor ta’ attivitajiet eċċitanti permezz tal-Programm tas-Sajf li l-aġenzija tħejji kull sena bl-għan li żżid l-aċċessibbiltà għall-wirt kulturali fost it-tfal u l-adolexxenti.


Il-programm ta’ din is-sena se jibda nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju u jintemm it-Tlieta 20 ta’ Settembru, u jinkludi bosta attivitajiet f’siti ta’ Heritage Malta fejn it-tfal jieħdu gost u jitgħallmu fl-istess ħin. Fost oħrajn, se jkun hemm mixjiet, tpinġija, workshop dwar kif isir il-patchwork, bini ta’ mudelli, analiżi ta’ pitturi, cloth dyeing, introduzzjoni għall-konservazzjoni tal-karta, tagħrif dwar tipi differenti ta’ fkieren tal-baħar, kif ukoll esperjenza ta’ tisjir.


Il-programm tnieda f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali u li għaliha ġiet mistiedna wkoll klassi tfal minn skola primarja.


Waqt l-indirizz tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar lil Heritage Malta għall-inizjattivi bħal dawn li permezz tagħhom t-tfal mhux biss jibqgħu attivi matul il-btajjel tas-sajf, iżda wkoll jieħdu l-ewwel togħmiet ta’ aspetti varji tal-istorja u l-kultura Maltija, filwaqt li jiddevertu f’esperjenzi prattiċi. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti kollha li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta biex jagħmlu użu tajjeb minnu u jżuru s-siti u l-mużewijiet li qed jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ebda ħlas.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-programm tas-sajf għall-istudenti huwa eżempju perfett ta’ kif Heritage Malta qed tpoġġi lin-nies, hi x’inhi l-età tagħhom, fiċ-ċentru tal-missjoni tagħha biex tagħmel il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna aċċessibbli għal kulħadd il-ħin kollu. Il-programm jixhed ukoll l-isforzi bla heda tal-aġenzija biex tagħti lill-viżitatur esperjenza iżjed sħiħa u eċċitanti permezz tal-mezzi innovattivi u kreattivi li tippermetti t-teknoloġija moderna.

Vanessa Ciantar, Uffiċjal Ewlieni Anzjan ta’ Heritage Malta għall-Edukazzjoni u l-Outreach, tat tagħrif dwar l-attivitajiet tal-programm ta’ dan is-sajf, li huma mmirati lejn studenti ta’ kull età u li se jsiru kemm f’siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta kif ukoll virtwalment. Kull parteċipant jista’ jieħu miegħu persuna adulta. Il-programm sħiħ tal-attivitajiet jinsab hawn: https://heritagemalta.mt/whats-on/


Il-biljetti għall-attivitajiet ta’ Lulju jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta jew online minn https://heritagemalta.mt/store/ Il-biljetti għall-attivitajiet ta’ Awwissu u Settembru jkunu jistgħu jinxtraw fil- ġimgħat li ġejjin. L-istudenti li diġà għandhom it-timbri kollha fuq il-passaport tagħhom jistgħu jattendu bla ma jħallsu xejn.


Min jixtieq aktar tagħrif jista’ jċempel fuq 2295 4323 jew jibgħat email lil passport@heritagemalta.org




Comments


bottom of page