top of page

Se jerġa’ jibda jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor




Wara nuqqas ta’ tliet snin, se jerġa’ jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor hekk kif id-Direttorat tal-Kultura ngħata l-inkarigu li jibda jieħu ħsieb dawn il-festeġġjamenti b’seħħ minn din is-sena. Fil-programm tnieda f’konferenza stampa li saret fiż-Żejtun, se tingħata enfasi kbira dwar l-aspett tradizzjonali ta’ din il-festa antika li hi maħsuba li bdiet tiġi ċċelebrata fl-1543. Tradizzjonalment din il-festa tradizzjonali, minbarra l-aspett reliġjuż tagħha, hija magħrufa għar-rabta li għandha mal-ewwel għawma li ssir fl-ewwel Erbgħa wara l-Għid il-Kbir.

Il-Ministru għal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li hu essenzjali li bħala gvern isir ix-xogħol meħtieġ sabiex festi tradizzjonali bħalma hi San Girgor jibqgħu jimxu ’l quddiem u jitgħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Huwa saħaq li fit-tfassil tal-programm tal-attivitajiet marbuta ma’ din il-festa tradizzjonali, id-Direttorat tal-Kultura ħadem id f’id mal-kunsilli lokali taż-Żejtun u ta’ Marsaxlokk u se ssir enfasi dwar l-aspett tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna. “B’dan il-mod se nkunu qed norbtu dan l-aspett tradizzjonali Malti ma’ qawmien ta’ kuxjenza ma’ aspetti tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna, bħall-ftira tradizzjonali Maltija u bħall-għana, li ġew rikonoxxuti fil-lista rappreżentattiva tal-UNESCO”, irrimarka l-Ministru Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqet dwar l-irwol importanti tal-attivitajiet kulturali fis-soċjetà u spjegat li attivitajiet kulturali bħal din ta’ San Girgor jgħinu fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali, jagħtu spinta lill-ekonomija lokali u jrawmu koeżjoni soċjali. Fuq dan il-punt is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet, “Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali kommess li jibqa’ jgħin lill-Kunsilli Lokali permezz ta’ skemi kulturali sabiex naċċertaw li l-wirt kulturali jibqa’ jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.”


Intant, id-Direttorat tal-Kultura, bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar intern, wettaq ukoll rebranding. Il-logo l-ġdid tad-direttorat ġie wkoll varat matul il-konferenza stampa u dan ġie ispirat mid-disinn tal-maduma tradizzjonali Maltija. Id-Direttur ta’ dan id-direttorat Aleks Farrugia qal li l-proċess ta’ ristrutturar tad-Direttorat tal-Kultura se jwassal biex id-Direttorat isaħħaħ l-identità u l-operat tiegħu. Huwa spjega li l-kuluri li jifformaw l-iskema ta’ kuluri tal-branding huwa meħud mill-kuluri ta’ tlugħ ix-xemx fuq il-Port il-Kbir, fejn it-tlugħ ix-xemx huwa simboliku ta’ jum ġdid u għalhekk il-ħarsa lejn il-ġejjieni, kif ukoll il-port li jiftaħ fuq il-baħar, simbolu tal-konnettività mal-bqija tad-dinja.


Id-Direttorat tal-Kultura huwa responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Kultura. Dan id-direttorat jippromwovi l-edukazzjoni u r-riċerka fil-qasam tal-kultura, iwassal il-politika kulturali Maltija f’fora internazzjonali, u jippromwovi l-ġustizzja kulturali, bil-għan li jingħata spazju u jkunu mħarsa kulturi marġinali u l-komunitajiet. Id-Direttorat tal-Kultura huwa wkoll il-promotur u r-rappreżentant ta’ Malta mal-UNESCO għall-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna.






Comments


bottom of page