top of page

Se tiġi rrestawrata l-intrata ta’ Forti Madliena



Id-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, beda proġett biex jirrestawra l-intrata ta’ Forti Madliena li soffriet minn danni estensivi minħabba xita qalila, u fil-fatt waqa’ xi ġebel minnha b’kaġun ta’ dan, f’April li għadda.

“B’dan l-intervent mid-Direttorat tar-Restawr, aħna qegħdin naħdmu  biex nippreservaw u nirrestawraw is-siti u l-monumenti storiċi li jiffurmaw aspett intrinsiku li jsawwar l-identità tagħna bħala Maltin. Mhux biss qegħdin nassiguraw li jkun hemm passaġġ sigur għall-Forti, li hija tifkira oħra miż-żmien Ingliż f’Malta, imma qegħdin nagħmlu l-entratura aktar aċċessibli u aktar viċin tal-oriġinal,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali waqt iż-żjara tiegħu.


Id-Direttorat tar-Restawr beda billi neħħa l-materjal li waqa’ u kif ukoll affarijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu fuq is-sit. Wara li dawn ix-xogħlijiet saru b’effett immedjat, fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttorat se jkun qiegħed jieħu ħsieb ir-restawr ta’ din id-daħla.


Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jinvolvu; ż-żarmar temporanju ta’ partijiet, mill-ħitan laterali tal-intrata li huma instabbli u tqegħid mill-ġdid tagħhom fil-post skont is-sengħa tal-bini; il-bdil ta’ qxur ta’ ġebel, ta’ ħxuna limitata, li ntuża fil-passat waqt interventi ta’ manutenzjoni/restawr, għal knaten mdaqqsa li għandhom l-istess qisien tal-kanten li ntużaw fil-kostruzzjoni oriġinali Ingliża; il-formazzjoni ta’ toqob tul il-ħitan bil-għan li l-ilma tax-xita ma jakkumulax fil-ħamrija li hemm wara l-istess ħitan u t-tikħil ta’ fili miftuħa.


Forti Madliena tmur lura għall-1878-1880. Hija waħda mit-tliet fortijiet li nbnew mill-Inglizi mal-Victoria Lines, u ħadet isimha mill-kappella ddedikata lill Maria Maddalena li kienet f’dan is-sit fis-seklu 15.





Comments


bottom of page