Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-knisja l-antika tal-Manikata ddedikata lil San Ġużepp, li se tiġi rrestawrata mid-Direttorat tar-Restawr, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
“Dan huwa possibbli grazzi għar-raba’ skema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, li reġgħet kienet disponibbli biex niżguraw li l-kunsilli lokali jkollhom assistenza biex jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi li jinsabu fil-lokalitajiet tagħhom. Din l-iskema tikkumplimenta l-istrateġija tagħna biex nagħmlu l-kultura u l-wirt tagħna aktar aċċessibbli, filwaqt li nkomplu ninkoraġġixxu aktar il-preservazzjoni u l-apprezzament ta’ wirtna”, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jindirizzaw ir-restawr tat-tessut tal-ġebel deterjorat fejn hemm bżonn, it-tneħħija ta’ kisi bis-siment, tikħil, u l-istabbilizzazzjoni ta’ qxur tal-ġebel maqlugħ. Se jsir ukoll intervent biex jitnaddaf il-wiċċ mill-veġetazzjoni u depożiti, plastic repair, u s-soqfa se jiġu miżmuma.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jindirizzaw ukoll il-ħsara fil-gwarniċ tal-faċċata, kif ukoll il-ħsara li saret bl-ilma li daħal. Il-kampnar li huwa ddeterjorat ħafna se jerġa’ jsir mill-ġdid, filwaqt li l-finial li fadal se tiġi rrestawrata bil-plastic repair, u dawk li huma neqsin se jerġgħu jsiru eżatt kif kienu permezz ta’ mudell apposta.
Ma nstabx min kien il-perit oriġinali tal-knisja. Fil-fatt il-probabbiltà hija li ma kienx hemm perit u din tista’ tkun ir-raġuni għaliex hemm problemi strutturali fil-knisja. Fil-fatt, parti mix-xogħlijiet jinkludu wkoll l-introduzzjoni ta’ tie rods apposta biex isaħħu l-volta biex ma tibqax tinfetaħ.
Il-knisja hija ddedikata lil San Ġużepp, u l-pjanijiet tagħha bdew fl-1919. Il-pittura titulari saret minn Ramiro Raffaele Calì, it-tifel tal-famuż Giuseppe Calì. Fl-1975, il-knisja waqfet tintuża minħabba li nbniet knisja akbar biex tilħaq id-domanda tal-popolazzjoni li kibret.
Dan l-intervent ta’ restawr kien possibbli minħabba l-fatt li l-Manikata (Mellieħa) qiegħda tibbenefika mill-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li nħarġet mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
Comments