Id-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, se jkun qiegħed jieħu ħsieb ir-restawr tal-faċċata u l-kampnar tal-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, grazzi għall-iskema Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali li issa qiegħda fir-raba’ sena tagħha.
Matul iż-żjara tiegħu fuq is-sit, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar l-importanza li nappoġġjaw il-wirt lokali, permezz tar-restawr u l-preservazzjoni, “Id-Direttorat tar-Restawr qiegħed jissodisfa l-istrateġija tal-gvern, fejn qegħdin nagħmlu s-settur aktar aċċessibbli għal kulħadd, billi nassiguraw li permezz tax-xogħol u d-dedikazzjoni, jkompli jagħmel monumenti u binjiet storiċi lokali disponibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri permezz tar-restawr. B’hekk, qegħdin ukoll naħdmu sabiex inkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali tagħna, hekk kif qegħdin nsiru destinazzjoni kulturali ta’ eċċellenza li tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna viżitaturi,” stqarr Owen Bonnici.
Il-Knisja għandha numru ta’ fatturi li huma responsabbli għal ċertu mekkaniżmi ta’ tmermir kif ukoll interventi oħra li huma ta’ detirment għall-binja, kif ukoll partijiet mhux attratenti. Apparti mid-depożiti superfiċjali, il-gwarniċ u l-frontun tal-faċċata huma affetwati minn qoxra sewdenija, speċjalment fil-gwarniċ li qegħdin kennija. It-temp u t-tfarfir wasslu għat-telf ta’ xi dettalji fl-iskultura f’xi każijiet. Il-parti t’isfel tal-knisja għandha ż-żebgħa mqaxxra u wieħed jista’ wkoll jara fili miftuħa.
Il-kampnar għandu partijiet viżibbli fejn hemm nieqes it-tessut tal-ġebla, l-aktar fil-parti ta’ fuq tiegħu. Xi ġebel u balavostri tal-parapett qegħdin fi stat avvanzat ta’ deterjorament, fil-fatt, numru ta’ balavostri ntilfu għal kollox. F’din il-parti tal-binja hemm fili miftuħa b’mod aktar evidenti.
L-interventi pjanati fuq il-Knisja ta’ San Ġużepp jinkludu tindif minn ħmieġ bioloġiku u brix bi xfafar apposta, konsolidazzjoni strutturali, bdil fil-ġebel, plastic repair u tikħil estensiv. Inserzjonijiet tal-metall li issa huma bla użu se jitneħħew, sabiex nerġgħu nġibu dan il-monument storiku lura għall-integrità viżiva u estetika tiegħu.
Din il-faċċata fuq żewġ livelli għandha stil klassiku – il-parti t’isfel hija mibnija fuq l-ordni Ioniku, filwaqt il-parti ta’ fuq hija fuq l-istil Korintian. Apparti l-elementi dekorattivi fuq il-faċċata, hemm tliet statwi fil-parti ta’ fuq, waħda ta’ San Ġużepp u tnejn ta’ anġli kustodji.
Comments