Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici fetaħ is-seminar “Il-Mużewijiet bħala hubs kulturali: il-futur għat-tradizzjoni”, mill-Għaqda Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM) biex jiġi kkommemorat il-Jum Internazzjonali għall-Mużewijiet li sar fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.
Waqt is-seminar, il-Ministru Bonnici qal li waqt li l-mużewijiet jkomplu l-missjoni primarja tagħhom li jiġbru, jikkollezzjonaw, jikkomunikaw u jirriċerkaw u jagħmlu wkoll wirjiet, huma qegħdin jibdlu l-prattiċi tagħhom biex jilħqu aktar il-komunitajiet u jibqgħu aktar viċin tagħhom.
“Il-mużewijiet qegħdin jivvintaw lilhom infushom mill-ġdid fil-mixja tagħhom biex ikunu aktar interattivi, iffukati fuq l-udjenzi, orjentati lejn il-komunità, flessibbli u li jadattaw f’hubs kulturali li jaħdmu bħala pjattaformi fejn il-kreattività tiltaqa’ mal-għarfien u fejn il-viżitaturi jistgħu wkoll joħolqu, jaqsmu u jinteraġixxu. Aħna qegħdin naħdmu biex nassiguraw li nipprovdu pjattaforma għall-futur tat-tradizzjonijiet tagħna, li jiffurmaw parti intrinsika mill-identità kulturali tagħna, permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġiji li jagħmlu din id-dinja aktar aċċessibbli,” qal Bonnici.
Hu semma li qegħdin jiġu ppjanati attivitajiet b’mod kontinwu biex tiġi involuta l-komunità, u b’mod partikolari, Heritage Malta, qiegħda tkun mexxej u katalist għal dawn it-tip ta’ attivitajiet. Hu għamel referenza għall-avenimenti kulinarji li ttellgħu riċentement f’Għawdex u kif ukoll għall-kunċett tal-MUŻA, il-mużew nazzjonali tal-arti li hu bbażat fuq l-interazzjoni mal-komunità.
Is-Seminar tal-ICOM kien iffukat fuq il-kartografija, ikel, daqq tal-qniepen, bizzilla u folklor reliġjuż. ICOM waqqaf l-ewwel Jum il-Mużewijiet fl-1977 biex iżid l-għarfien pubbliku dwar ir-rwol tal-mużewijiet u l-iżvilupp tas-soċjetà. ICOM Malta ġiet imwaqqfa fl-2002.
Ritratt - MJCL
Comments