Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħatra ta’ sitt membri ġodda fil-Ġudikatura: tliet imħallfin u tliet maġistrati. Kull isem ġie preċedentement approvat mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti skont kif trid il-Kostituzzjoni.
B’hekk, l-ammont ta’ imħallfin se jkun ta’ 24 waqt li l-ammont ta’ maġistrati se jibqa’ dak ta’ 22.
Imqabbel ma’ sitt snin ilu, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ħatra ta’ Lorraine Schembri Orland bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-irtirar imminenti bl-età tal-Imħallef Silvio Meli, l-ammont ta’ imħallfin żdied bi 2 filwaqt li l-ammont ta’ maġistrati żdied bi 2. Din iż-żieda qed tgħin biex jiġi assigurat servizz aħjar għaċ-ċittadini li jirrikorru l-Qorti u tagħti possibilità għal iktar speċjalizzazzjoni fost il-Ġudikatura.
L-imħallfin il-ġodda se jkunu l-Imħallef Francesco Depasquale, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri u l-Imħallef Aaron Bugeja. Il-maġistrati l-ġodda se jkunu Dr Nadine Lia, Dr Victor Axiak u Dr Bridget Sultana.
B’dawn il-ħatriet il-ġodda l-ammont ta’ nisa fil-ġudikatura huwa ta’ 53 fil-mija.
IMĦALLFIN ĠODDA
Dr Francesco Depasquale
Dr Depasquale laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’Masters fil-Liġi Marittima b’distinction mill-International Maritime Law Institute fi ħdan l-IMO.
Meta kien student huwa kien attiv kemm fi ħdan l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-European Law Students Association u l-Kunsill Studenti Universitarji.
Huwa serva fil-Malta Maritime Law Association u fil-Kamra tal-Avukati.
Huwa nħatar maġistrat fl-2011 u sena wara ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta.
Dr Depasquale ilu sa mill-2007 jirrappreżenta lil pajjiżna fuq l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.
Dr Joanne Vella Cuschieri
Dr Vella Cuschieri laħqet avukat fl-2001 u kompliet l-istudji tagħha b’Magister Juris fid-dritt Ewropew.
Hija ħadmet bħala avukat fil-prattika privata u bħala konsulenta legali dwar il-liġijiet tax-xogħol u tal-ippjanar. Serviet ukoll fuq il-Qorti tal-Konċiljazzjoni u l-Arbitraġġ fi ħdan l-OSCE.
Dr Vella Cuschieri laħqet maġistrat fl-2014 fejn serviet estensivament fil-Qorti ta’ Għawdex.
Hija miżżewġa u għandha tlett itfal.
Dr Aaron Bugeja
Dr Aaron Bugeja laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’M.A. fil-Liġi fl-2012.
Wara karriera fil-prattika privata, huwa ħadem bħala prosekutur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (2006-2013) sa ma nħatar maġistrat fl-14 ta’ Lulju 2013.
Huwa ilu sa minn Ottubru tal-2007 jgħallem il-proċedura kriminali fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala senior visiting lecturer. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi strutturi internazzjonali marbuta mad-dritt penali.
Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.
MAĠISTRATI ĠODDA
Dr Nadine Lia
Dr Nadine Lia laħqet avukat fl-2004 u sentejn wara saret ukoll barrister fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ingilterra u Wales.
Wara li ħadmet għal xi żmien bħala membru tal-korp diplomatiku, hija ħadmet bħala barrister ma’ Middle Temple Inn ta’ Londra.
Hija studjat fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Western Ontario l-Kanada u fl-Università ta’ Canterbury f’Kent, il-Gran Brittanja.
Wara, ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta bħala prosekutur u imbagħad bħala avukat fil-prattika privata fejn anke tat konsulenza fuq il-liġi tan-negozji tal-familja.
Dr Lia tgħallem il-liġi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ngħatat diversi rikonoxximenti internazzjonali għax-xogħol tagħha.
Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.
Dr Victor Axiak
Dr Axiak laħaq avukat fl-2005 u kompla l-istudji tiegħu fil-kamp tat-taxxa mal-Istitut Malti dwar it-Tassazzjoni.
Huwa ħadem fil-prattika privata fuq oqsma marbuta mal-liġi kummerċjali u dik ċivili.
Serva għal diversi snin bħala konsulent legali tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa ħadem ukoll estensivament fil-kamp tal-liġi tal-immigrazzjoni.
Dr Axiak huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.
Dr Bridgette Sultana
Dr Sultana laħqet avukat fl-1995.
Hija għamlet karriera twila fis-Servizz Pubbliku bħala avukat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u llum tokkupa l-kariga ta’ direttur responsabbli mis-servizzi legali f’dan il-ministeru fejn ħadmet estensivament fl-aspetti legali tal-kamp tal-mediċina.
Studjat l-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’M.A. mill-Università ta’ Cardiff.
Hija segwiet ukoll b’suċċess korsijiet u programmi fl-Università ta’ Rotterdam u l-Università ta’ Harvard.
Dr Sultana għandha żewġt itfal.
Comments