top of page

Skema ta' fondi għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi, b’aspett xjentifku fil-kommunità




Titnieda għat-tieni sena skema għall-Organizzazzjonijiet Volontarji biex jinkisbu fondi għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi, b’aspett xjentifku fil-kommunità.

Wara s-suċċess miksub is-sena għaddiet, il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed iniedi għat-tieni darba skema ta’ fondi li tippromwovi l-innovazzjoni u l-użu tax-xjenzi fil-komunità permezz fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. L-għan ta’ din l-iskema hu li ssostni finanzjarjament lill-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u Organizzazzjonijiet Volontarji għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi fil-komunità u b'hekk jixxerred l-għarfien u l-użu tagħhom.


Waqt it-tnedija tal-fond, il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva din l-iskema bħala waħda essenzjali li se tkompli toħloq għarfien dwar il-ħtieġa tal-innovazzjoni, ir-riċerka u s-suġġetti xjentifiċi anki fuq livell lokali fi ħdan l-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-Organizzazzjonijiet Volontarji li tant jagħmlu ġid fil-komunità. Huwa qal li dan jimxi id f'id mal-istrateġiji nazzjonali f'dan is-settur.


Il-Ministru Bonnici sostna: “Il-Gvern irid ikompli jqarreb il-komunitajiet Maltin lejn ix-Xjenzi u jkompli jeduka lis-soċjeta’ dwar kif dawn jaffetwawna fil-ħajja ta’ kuljum, jgħinuna nimxu ‘l quddiem u nilħqu l-miri tagħna. Fl-istess mod inkunu qed nrawmu mentalitajiet ġodda u nħarju lit-tfal u studenti jersqu lejn ix-xjenzi. Ir-realtà hi li minn dejjem, ir-riċerka u l-innovazzjoni kienu kruċjali għall-benesseri tal-ħajja u l-ħolqien tal-progress skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà u rridu nkomplu nenfasizzaw l-importanza stroardinarja tagħhom.”


B'kollox ġew allokati €150,000 u l-fond se jkun amministrat mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Kull organizzazzjoni tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €10,000.


Sabiex l-organizzazzjonijiet jibbenefikaw minn dan il-fond, hu meħtieġ li l-istess organizzazzjonijiet joħorġu bi proposti għal proġetti innovattivi. Il-proposti li jużaw approċċ b’enfasi fuq ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM) bħala punti t’aċċess biex jiggwidaw proċessi ta’ tagħlim, djalogu u ħsieb kritiku li jwasslu biex it-teorija u l-prattika jitħaddmu flimkien huma eliġibbli wkoll.


Is-Sur Alistair Borg, Direttur għall-Istrateġija u Sapport fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru, qal: “ Din l-iskema, li tinsab fit-tieni sena tagħha, inħolqot bil-ħsieb li tkompli tqanqal il-qlub u l-imħuħ favur il-bżonn ta’ iktar għarfien dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-soċjetà Maltija."


L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jkunu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati.


Il-linji gwida dwar kif wieħed għandu japplika għal dan il-fond huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru mfer.gov.mt


L-applikazzjonijiet kollha qed jintlaqgħu biss online permezz ta’ eForm sal-1 ta’ Marzu 2022 f’nofsinhar.


Għal iktar informazzjoni u għajnuna, wieħed jista’ jibgħat email fuq innovationschemes@gov.mt.

Comments


bottom of page