Storbju hija produzzjoni ġdida lokali li se jibda x-xogħol fuqha f’inqas minn ġimagħtejn. Spirat mir-rewwixti ta’ Ġunju fl-1919, il-film huwa taħt id-direzzjoni ta’ Davide Ferrario (After Midnight, We all Fall Down) u miktub minn Jean Pierre Magro (Bulgarian Rhapsody).
Magħfusin bi snin ta’ awsterità, żieda fil-qagħad u prezzijiet jogħlew, il-popolazzjoni Maltija qamet kontra l-Uffiċċju Kolonjali. Fis-7 ta’ Ġunju 1919, eluf ta’ rġiel bil-ġuħ, nieqsa minn kollox u mimlija tama ħabtu għall-belt biex jesiġu riformi tant bżonnjużi. Sfortuntament, il-protesti saru vjolenti. Il-bandiera Britta nnika ġiet imċarrta minn ħafna binjiet tal-gvern. Numru ta’ binjiet ġew misruqa mbagħad maħruqa. It-truppi Brittanniċi mal-ewwel ġew sarbati biex jerġgħu jġibu l-paċi u l-ordni. Ħafna nies mietu f’dik il-ġurnata sinjifikanti.
Il-Brittanniċi ħbew l-istorja mill-pubbliku u pruvaw jikkanċellaw it-traċċi ta’ dak li kien ġara. Madwar 115-il ċittadin Malti, li l-aktar li kienu żgħażagħ, ingħataw it-tort għall-vjolenza u ġew kundannati għal xogħol iebes. Storbju, li se jkun hemm fih l-atturi Harvey Keitel u Malcolm McDowell, huwa r-rebħa tant mistennija ta’ Malta biex taqsam mad-dinja kif din il-gżira Mediterranja żgħira ħebbet għall-imperu.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi wera s-sostenn tiegħu lejn il-produzzjoni u qal li, “din l-inizjattiva partikolari deċiżament se tgħin fil-promozzjoni tal-gżejjer Maltin u tat-talent lokali. Saħaq li flimkien mal-Malta Film Commission se nkunu qed insaħħu din il-produzzjoni bl-għan li nippromwovu internazzjonalment it-talent lokali, l-industrija tal-films u pajjiżna. Din is-sena fil-fatt, saħħaħna l-inċentivi permezz tal-iskema ġdida ta’ finanzjar mill-Malta Film Commission bl-għan li ngħollu l-livell tal-produzzjonijiet lokali, filwaqt li nattiraw aktar produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti wkoll, u qal li, “aħna onorati ferm li nagħmlu parti minn dan il-proġett. Il-film huwa ta’ importanza kruċjali għalina minħabba li jirrifletti s-soċjetà, kemm preżenti kif ukoll tal-imgħoddi. Inħoss li huwa d-dmir tiegħi bħala Ministru għall-Kultura li nagħti l-appoġġ għal inizjattiva importanti bħal din u nawgura lit-tim tiegħu l-aħjar possibbli. Nappella lill-poplu Malti biex jingħaqad wara din il-produzzjoni u jkun ta’ għajnuna bi kwalunkwè mod possibbli”.
Il-film qed jiġi prodott minn Aaron Briffa, Pedja Miletic u Jean Pierre Magro. Magro, li tkellem f’isem it-tim tal-produzzjoni, qal li, “hija opportunità mill-isbaħ li ġejna fdati bi produzzjoni bħal din. Il-memorja kollettiva ta’ pajjiż hija sagra u aħna rridu nonoraw l-istorja ta’ missirijietna.”
Il-kast Malti huwa magħmul minn ħafna uċuħ familjari, fosthom Godwin Scerri, Ryan Debattista, Jane Marshall, Narcy Calamatta, Marc Caboudain, Peter Galea, Jesmond Mizzi u Erica Muscat.
Davide Ferrario, id-direttur li qiegħed imexxi dan il-proġett, qal li dan il-film huwa opportunità tajba sabiex il-barranin jifhmu aktar lill-Malta u lill-Maltin. “Filwaqt li din hija storja intrinsikament Maltija, jien inħoss ukoll li hija storja universali. Tista’ tieħu din in-narrattiva u tpoġġiha f’kull pajjiż fid-dinja, u din xorta tkun tagħmel sens.”
Il-produtturi eżekuttivi ta’ dan il-film huma Roland Joffe, Shayne Putzlocher u Sara Shaak, u l-film huwa skedat li jinħareġ fil-ħarifa tal-2020.
Id-drittijiet ta’ distribuzzjoni dinjija ta’ Storjbu ġew akkwistati minn Electric Entertainment, il-kumpanija ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u post-produzzjoni bbażata f’Los Angeles.
It-tim tal-produzzjoni jixtieq jirringrazzja lis-Sur Konstantin Ishkhanov mill-Fondazzjoni Ewropea għas-Sapport tal-Kultura li kien strumentali bl-appoġġ lejn dan il-film mill-bidu tiegħu.
It-tim qiegħed ifittex numru kbir ta’ extras biex jingħaqdu f’din il-produzzjoni. Qiegħda ssir l-aħħar sejħa għall-kast nhar is-Sibt, 7 ta' Settembru fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana mid-9:00 sal-17:00
Comments