top of page

Storja Animalta – Serje animata innovattiva fuq it-TV dwar l-istorja ta’ Malta



Heritage Malta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qed tikkollabora fuq sensiela televiżiva ġdida bl-isem ta’ Storja Animalta


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici laqa’ din l-inizjattiva,  u qal li, “din is-serje se tippreżenta l-istorja ta’ Malta b’mod animat  u innovattiv, li bla dubju l-mod kif se tkun ippreżentata din is-sensiela se tqanqal iktar lit-telespettaturi biex jitgħallmu iktar dwar l-istorja u l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin.


Hu għamel referenza għall-kisbiet ta’ Heritage Malta biex tagħmel il-wirt u l-istorja tagħna aktar disponibbli lill-pubbliku b’modijiet inventivi fosthom il-passaporti tal-kbar u tal-istudenti. Il-Ministru għalaq billi rrefera għall-investiment dirett li qiegħed jagħmel dan il-gvern fis-settur kulturali u qal li dan il-proġett se jkollu rwol intrinsiku biex iwassal l-istorja tagħna fid-djar Maltin u Għawdxin.


Ibbażata fuq seba’ episodji qosra ta’ madwar 25 minuta, kull episodju se jipprovdi narrattiva dwar karattru partikolari, grupp ta’ persuni, jew perjodu. Din is-sensiela se titratta sitt stejjer li sawru l-istorja Maltija, mill-bini tat-tempji preistoriċi iktar minn 5,000 sena ilu sal-ħakma Franċiża fis-snin 1798-1800. L-episodji huma bbażati fuq dawn it-temi: 7,000 sena ta’ storja; il-bennejja tat-tempji; il-kummerċjanti Feniċi; in-Nawfraġju ta’ San Pawl, in-Normanni, l-attakki mill-Ottomani; u l-irvellijiet kontra l-Franżiċi.


It-telespettatur se jintbagħat lura fiż-żmien b’mod kronoloġiku bil-għan li jifhem aħjar ftit mill-avvenimenti u l-karattri li spikkaw fl-istorja ta’ pajjiżna. Fil-fatt l-għan ta’ din is-sensiela huwa li jqanqal lit-tfal, żgħażagħ u anke adulti jitħajru jitgħallmu iktar fuq l-istorja sinjura tal-gżejjer Maltin. Se jkun qed jintwera wkoll tagħrif supplimentari biex jikkumplimenta l-istorja u jdaħħal iktar fil-kuntest il-karattru partikolari.


Sadanittant Heritage Malta ppubblikat ktieb tat-tpinġija biex jikkumplimenta din is-sensiela animata bl-isem ta’ Colouring history – Malta and Gozo through the ages. Immirat għal tfal żgħar, minbarra li jieħdu pjaċir ipinġu, il-ktieb jinkludi wkoll deskrizzjoni qasira dwar l-istorja tas-sitt stejjer li fuqhom hija bbażata s-sensiela Storja Animalta. Dan il-ktieb tat-tpinġija jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta.


Reciprocal qed jieħdu ħsieb il-produzzjoni ta’ Storja Animalta bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-inizjattiva Kultura TV u Heritage Malta. Storja Animalta se jintwera kull nhar ta’ Tnejn fuq One TV fit-8.30pm. L-ewwel episodju se jintwera fit-30 ta’ Settembru.



Comments


bottom of page