top of page

STRATEĠIJI KULTURALI REĠJONALI

Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 22 ta` Jannar, 2023) paġna numru 20-21.




NIPPROMWOVU KULTURA AĊĊESSIBBLI


Fl-aħħar tas-sena 2022, il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, nieda sitt Strateġiji Kulturali Reġjonali. Kull waħda minn dawn l-Istrateġiji Kulturali Reġjonali hija mmirata biex issaħħaħ u żżid l-aċċessibbiltà tal-arti u l-kultura fir-reġjuni tagħna, u hemm waħda ddedikata għal kull reġjun f’pajjiżna li huma Għawdex, it-Tramuntana, il-Lvant, il-Punent, il-Port u n-Nofsinhar.


Din hija l-ewwel darba li pajjiżna għandu strateġija kulturali għal kull reġjun, u ġew żviluppati ma’ kull reġjun innifsu. Dan sabiex bħala Gvern nisimgħu u nifhmu l-bżonnijiet li jridu jiġu indirizzati. Permezz ta’ dawn l-istrateġiji, qegħdin nużaw il-kultura biex nindirizzaw l-isfidi fi ħdan ir-reġjuni, b’mod li nsaħħu l-ekonomija kreattiva ta’ pajjiżna.


F’kull strateġija, wieħed isib sezzjoni ddedikata għall-għarfien u l-informazzjoni fuq l-aspetti u l-assi kulturali fi ħdan ir-reġjun kif ukoll qafas dwar ir-rwol li għandha l-kultura. Bis-saħħa tagħhom, qegħdin naraw aktar attenzjoni lejn il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, sabiex jiġi żgurat li l-kultura tieħu r-rwol ċentrali tagħha fl-iżvilupp tar-reġjuni.


Il-lokalitajiet tagħna jafu jservu ta’ fulkru għall-arti u għall-kultura. Arti u kultura distinta li anke fiċ-ċokon tagħna taf tkun rikka immens. Huma bosta t-tradizzjonijiet li nsibu f’pajjiżna, li wasslu wkoll għal affarijiet u drawwiet kontemporanji li jibqgħu jinbidlu matul iż-żmien. Huwa essenzjali li nagħrfu, u niċċelebraw dawn id-distinzjonijiet, li flimkien jagħmlu u jsaħħu l-kultura ta’ pajjiżna. Huwa għalhekk li kull strateġija hija distinta. Però, kollha kemm huma bdew minn qafas komuni.


Dawn l-istrateġiji saru min-nies, għan-nies, b’mod ħaj bħalma hi l-kultura vibranti tagħna, li hi parti intrinsika mill-identità tagħna li tagħmilna Maltin u Għawdxin. L-istrateġiji kulturali reġjonali jimxu id f’id mal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti, li għandha bħala viżjoni tagħha li l-arti tkun fil-qalba u fil-futur ta’ pajjiżna. Apparti minn hekk, dawn l-Istrateġiji, jimxu mal-affermazzjonijiet tal-UNESCO, u huma mnebbħa minn kif il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi “r-rwol essenzjali li l-kultura għandha fl-iżvilupp lokali, partikolarment fit-tnaqqis ta’ distakk f’opportunitajiet bejn partijiet differenti tal-Ewropa”.


L-Istrateġiji Kulturali Reġjonali huma mfassla minn tliet temi trasversali ewlenin għall-kultura madwar pajjiżna, li huma l-iżvilupp tat-talent, l-involviment tal-udjenza, u l-innovazzjoni tal-wirt storiku.


‘‘

Il-lokalitajiet tagħna jafu jservu ta’ fulkru għall-arti u għall-kultura. Arti u kultura distinta li anke fiċ-ċokon tagħna taf tkun rikka immens. Huma bosta t-tradizzjonijiet li nsibu f’pajjiżna, li wasslu wkoll għall-affarijiet u għad-drawwiet kontemporanji li jibqgħu jinbidlu matul iż-żmien



L-iżvilupp tat-talent


Waħda mir-riżorsi ewlenin ta’ pajjiżna hija bla dubju l-poplu tagħna. Poplu kreattiv u mimli b’talent kulturali, li naraw taħlita qawwija tagħhom f’kull wieħed mis-sitt reġjuni. Permezz ta’ din l-istrateġija, se nkunu qegħdin nindirizzaw il-karrieri fis-setturi kulturali u kreattivi b’mod li jkun hemm tisħiħ fil-bini tal-kapaċità, ħiliet u sħubijiet, sabiex bħala pajjiż, inkomplu nsaħħu l-pjattaforma ta’ professjonalizzazzjoni f’dan is-settur.


Apparti minn hekk, din it-tema tieħu ħsieb li tagħti prijorità lill-aċċessibbiltà b’mod li l-ideat u l-ħiliet tal-poplu jibqgħu jiffjorixxu fis-settur, permezz tal-introduzzjoni u l-iżvilupp ta’ programmi u strutturi li jistgħu jtejbu dan.



L-involviment tal-udjenza


Filwaqt li hawn avvenimenti kulturali bħall-festi u bħaċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival li għandhom parteċipazzjoni qawwija f’pajjiżna, tant li hawn min dawn huma parti intrinsika minn ħajtu, għad hawn ħafna attivitajiet kulturali oħra li għadhom emerġenti.


B’din it-tema, se jkun hemm aktar attenzjon . ħdan ir-reġjun, b’mod li tingħata prijorità lejn l-inklużjoni soċjali. Din it-tema wkoll tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn għaqdiet kulturali u organizzazzjonijiet mhux governattivi, biex ikun hemm aktar kordinazzjoni u komunikazzjoni dwar il-programmi tagħhom u permezz t’hekk se tintlaħaq firxa aktar wiesgħa ta’ udjenzi.


Innovazzjoni tal-wirt storiku


Din it-tema tindirizza l-passat u l-futur tagħna, b’mod li l-passat tagħna li bena kemm lil pajjiżna kif ukoll lilna bħala poplu narawh minn lenti friska ta’ innovazzjoni li jkompli jarrikixxi s-settur kulturali u kreattiv u l-ekonomija kreattiva. Pajjiżna huwa rikk b’wirt tanġibbli u intanġibbli, u permezz tal-innovazzjoni tal-wirt storiku, qed naraw il-patrimonju tagħna bħala riżorsa għal żvilupp kontemporanju u innovazzjoni. Din it-tema wkoll titlob għall-kollaborazzjoni, sabiex il-wirt storiku u l-innovazzjoni jiltaqgħu u jiġġeneraw dħul ġdid, li jista’ jerġa’ jiġi investit fis-settur.


Għal dawn it-tliet temi trasversali ewlenin, kull reġjun għandu l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu. Apparti minn hekk, l-Istrateġiji għandhom ukoll numru ta’ prijoritajiet oħra komuni, li huma t-tressiq tal-komunitajiet rurali u rħula żgħar, it-tisħiħ tas-sħubija u d-diversifikazzjoni tal-investiment, id-dimensjoni Ewropea u lil hinn, u l-evalwazzjoni u l-evidenza.


Dawn is-sitt strateġiji kienu pass importanti għal pajjiżna u għas-settur kulturali u kreattiv, kif ukoll biex nirrikonoxxu d-distinzjonijiet u l-uniċità ta’ kull reġjun. It-twettiq tagħhom huwa f’idejn il-partijiet ikkonċernati, sabiex jaħdmu id f’id u jkun hemm kollaborazzjoni.


Bħala Kunsill Malti għall-Arti nifhmu li din hija sfida, imma hija sfida eċċitanti, u se nibqgħu nisimgħu, nifhmu u nikkollaboraw biex insaħħu l-arti u l-kultura fi ħdan il-komunitajiet u l-lokalitajiet. Wieħed jista’ jsib l-Istrateġiji Kulturali Reġjonali fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti – www.artscouncil.mt


L-Istrateġiji Kulturali Reġjonali jiffurmaw parti mill-proġett ESF.04.079 bl-isem Create 2020: Investiment f’Ħiliet ta’ Kapaċità Kulturali u Kreattiva fis-Settur Pubbliku ta’ Malta, iffinanzjat permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, Programm Operattiv II – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014- 2020 “Ninvestu fir-riżorsi umani sabiex noħolqu aktar opportunitajiet filwaqt li nippromwovu t-tisħiħ tas-soċjetà”. Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-proġett hija ta’ 80% fondi mill-Unjoni Ewropea u 20% fondi nazzjonali.












Comments


bottom of page