top of page

“SUĊĊESS KBIR U KOLLOX MEXA ĦARIR”

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tnejn 2 ta’ Jannar 2023) paġna numru 7.




Aktar minn 50,000 persuna jingħaqdu fil-Belt Valletta għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena


Eluf ta’ nies ingħaqdu flimkien fil-Belt Valletta biex jiċċelebraw il-bidu tas-sena 2023 f’atmosfera mill-aqwa fil-kapitali tagħna. Wara nuqqas ta’ sentejn ta’ attivitajiet għall-massa n-numru ta’ Maltin u turisti fil-Belt Valletta żdied meta mqabbel mas-snin ta’ qabel il-pandemija tal-Covid-19. Fil-fatt, huwa stmat li aktar minn 50,000 persuna attendew għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.


F’kumment li ta lil L-ORIZZONT il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qalilna li, “għal darba oħra, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ta’ suċċess kbir.


Anzi, aktar mis-snin ta’ qabel il-pandemija għax l-ammont ta’ nies kien akbar u logistikament kollox mexa ħarir tant li ma kienx hemm kongestjonijiet tat-traffiku”.


Il-Ministru Bonnici żied jgħid li din kienet pjattaforma straordinarja “għall-artisti bravi tagħna li għal darb’oħra wrew x’jafu joffru u l-poplu Malti, għal darba oħra, wera apprezzament għal dan it-talent li għandna”.



Għeluq kbir ta’ xahar sħiħ mimli attivitajiet


L-avveniment nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, li ttella’ live minn Pjazza San Ġorġ bis-sehem ta’ numru kbir ta’ kantanti u mużiċisti Maltin, għalaq xahar sħiħ ta’ attivitajiet organizzati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mill-programm “Christmas in the Capital”.


Il-lejla bdiet b’mużika minn Kurt Calleja segwita mill-mistiedna speċjali “The Brass House Unit” taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja.


Ħadu sehem ukoll DJ Debrii u DJ Drey. Is-serata kienet ippreżentata minn Ron Briffa, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada.


Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena ġew organizzati minn “G7” permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija għall-Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.





Comments


bottom of page