Il-memorja ta’ dawk li taw servizz lil pajjiżna fil-gwerer ġiet onorata f’ċerimonja li tmexxiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira. Iċ-ċerimonja saret fil-Kappella ta’ Sant’Anna fil-Forti Sant’Iermu, li fiha hemm il-Memorial tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.
Waqt iċ-ċerimonja – li saret b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Kumitat Festi Nazzjonali u Festivals Malta – sar tqegħid ta’ fjuri, inżammet minuta silenzju, u ndaqqew il-Last Post u r-Reveille minn membri tal-Korp tal-Pulizija.
F’diskors li għamel, il-Ministru Owen Bonnici qal, "Illum, hekk kif ninġabru f’dan l-ispazju sagru, niftakru u nonoraw is-servizz u s-sagrifiċċju tas-suldati, il-pulizija, u ċivili fi żminijiet ta’ Gwerra. Id-dedikazzjoni tagħhom lin-nazzjon tagħna qatt mhi se tintesa, it-tifkira tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra tfisser tislima dejjiema għall-kuraġġ u r-reżiljenza tagħhom. Ejjew ngħożżu l-memorja tagħhom u l-istorja li kitbu.”
Wara ċ-ċerimonja, il-Ministru Bonnici ddawwar mal-Memorial minn Emmanuel Magro Conti, Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta għall-Palazzi u l-Militar.
Il-kollezzjoni estensiva ta’ midalji f’din it-taqsima tinkludi dawk li ngħataw lil persuni li kienu fis-servizz, jiġifieri fl-Army, fin-Navy u, aktar tard, fl-Air Force tar-Renju Unit, kif ukoll għadd sostanzjali ta’ midalji li ngħataw lil persuni ċivili. Kull midalja hija akkumpanjata minn tagħrif kemm dwar għala u meta kienet tingħata kif ukoll dwar l-individwu li rċivieha.
Minbarra l-midalji, fil-Memorial hemm esebiti wkoll diversi artifatti oħra, fosthom buzzetti ta’ monumenti marbutin ma’ gwerer u plakki li ngħataw matul iż-żmien lill-Mużew minn eks servicemen anzjani li bihom xtaqu jfakkru lil sħabhom li mietu fil-gwerra.
コメント