Matul il-ġimgħa jkolli mitt ħaġa għaddejja fuq kull livell. Imma din il-ġimgħa nistqarr li kien hemm okkażjoni partikolari li verament ħadt gost nattendi għaliha u wkoll kienet waħda li nisslet emozzjonijiet sbieħ.
Kemm kienet sabiħa t-tbissima ta' ferħ tat-tfal li rajt il-Ħamis filgħodu waqt żjara li għamilt f'wieħed mill-55 ċentri ta' SkolaSajf li ftaħna f'Malta u Għawdex b’1607 persuna li se jagħtu ħidmiethom għal uliedna. Għal din is-sena, imma wieħed irid iżomm f’moħħu li għadna kemm ħriġna mill-imxija tal-COVID-19, n-numru ta’ applikazzjonijet għal SkolaSajf kien ta’ 7,849 student.
Żort l-iskola Primarja fiż-Żurrieq u rajt b'għajnejja l-preparazzjoni kbira li wettqet id-diriġenza u ħaddiema tal-FES biex nerġgħu nagħtu n-normalità lil eluf ta' studenti u l-familji tagħhom. Ksibna suċċess fil-ftuħ taċ-childcare centres xahar ilu, u qed nerġgħu niksbu suċċess ieħor bil-ftuħ ta' Skolasajf 2020.
Din is-sena SkolaSajf bdiet mill-1 ta’ Lulju, jiġifieri ħmistax-il ġurnata qabel is-soltu, u se tibqa’ għaddejja sal-4 ta’ Settembru. Tajjeb jingħad ukoll li din is-sena wara ħidma intensiva li saret, SkolaSajf se tkun mifruxa fuq 10 ġimgħat minflok 8 ġimgħat kif tkun is-soltu. Ninsab kuntent bil-ħidma eċċellenti tad-diriġenza ta’ SkolaSajf li mxew b’mod tajjeb ħafna u kienu preparati mill-bidu sal-aħħar. Mill-1 ta’ Lulju komplejna bit-triq għan-normalità li tant hija mixtieqha. Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FES għaliex bl-għajnuna tagħhom kien possibli li llum ninsabu hawnhekk.
SkolaSajf se jkollha servizz ta’ 10 ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa. Hemm ukoll servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn li huwa ofrut f’ċentri selettivi mis-7:00 ta’ filgħodu sat-8:30 ta’ filgħodu mbagħad min-nofs siegħa sal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar.
It-tema magħżula ta’ SkolaSajf din is-sena hija “Id-Dinja tiegħi, id-Dar tiegħi”. L-attivitajiet li se jsiru fi SkolaSajf, marbutin ma’ din it-tema, se jfakkru lit-tfal dwar is-sbuħija tan-natura, u dwar l-obbligu tagħna li nieħdu ħsieb id-dinja bħala d-dar tagħna. L-attivitajiet se jfakkru wkoll il-ġid komuni li jgħaqqadna, u dwar l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin, għaliex kull wieħed u waħda minna jiddependi fuq ħaddiehor.
Kull sena SkolaSajf tilħaq għanijiet speċifiċi. Fost l-oħrajn tagħti lok lill-parteċipanti li jitgħallmu billi jkunu kreattivi, b’metodi ta’ learning by doing. Madankollu SkolaSajf ta’ din is-sena se tilħaq għanijiet li jmorru oltrè minn dawk li tilħaq ta’ kull sena. Din id-darba SkolaSajf se terġa’ ddaħħal sens ta’ rutina fil-parteċipanti. Ir-rutina tgħin biex it-tfal iħossuhom siguri u stabbli fl-ambjent li jgħixu fih, ħaġa li tfarrket minħabba l-pandemija li d-dinja għaddejja minnha.
SkolaSajf 2020 hija speċjali għal diversi raġunijiet. Fosthom għaliex tfisser rebħa kollettiva għal poplu Malti u Għawdxi, li ħadem b’mod maqgħud biex wasalna li nfetħet SkolaSajf bħala l-ewwel istituzzjoni edukattiva mmirata lejn ir-residenti ta' pajjizna wara l-pandemija tal Covid-19. Skolasajf hija r-riżultat ta' ħidma kontinwa mill-ħaddiema tal-FES, li minkejja ħafna sfidi, taw sehemhom mill kbir sa ż-żghir, u f’kull qasam, biex is-servizz qed jingħata ġimagħtejn qabel is-soltu.
+++
Il-Ġimgħa kelli wkoll okkażjoni oħra li matulha rajna l-impenn tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, jew kif insibuh aħjar l-MCAST, lejn l-istudenti li jattendu f’dan il-kulleġġ.
Filfatt l-MCAST kompla bl-impenn biex il-korsijiet ikunu rilevanti għad-dinja tax-xogħol. Fit-tfassil tal-korsijiet għas-sena akkademika l-ġdida, l-MCAST ipprijoritizza konsultazzjoni kontinwa mal-industrija. L-isforzi tal-Kulleġġ wasslu għat-twaqqif ta' workshop speċjalizzat ġdid fil-Kampus ta' Raħal il-Ġdid mgħammar skont l-istandards tal-industrija biex jintuża għat-taħriġ fis-sistemi ta' ventilazzjoni u arja kkundizzjonata.
L-MCAST qed imexxi t-triq biex jiżgura li l-istudenti jiksbu kwalifiki f’setturi importanti tal-ekonomija tagħna u li jwasslu għal opportunitajiet ta’ xogħol. Għandna bżonn naħdmu mal-partijiet interessati biex noħolqu opportunitajiet u esperjenzi għal studenti li jirriflettu l-iżvilupp ta’ madwarna.
Il-faċilitajiet il-ġodda huma ffinanzjati mill-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata (ACIA) bħala parti minn ftehim ta’ kollaborazzjoni ta’ tliet snin mal-MCAST li ġie ffirmat propju nhar il-Ġimgħa.
L-għan ewlieni ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li jkollna nies kwalifikati f’dan is-settur. L-ACIA ser tisponsorja l-istudenti rreġistrati fid-Diploma in Heating, Ventilation and Air-Conditioning rreġistrati f'dan il-kors fit-tielet livell offrut mill-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST. Din il-kollaborazzjoni se tippermetti lill-istudenti jaħdmu mal-isponsor tagħhom, li eventwalment isir anki l-post tax-xogħol tagħhom.
F'Mejju, l-MCAST nieda l-offerta tal-korsijiet għal Ottubru 2020 b'varjetà ta' 190 kors li jvarjaw minn korsijiet f’livell ta’ introduzzjoni għall-korsijiet ta' diploma, Baċellerat u Masters. It-tagħlim fl-MCAST huwa ibbażat fuq esperjenza ta' xogħol fil-ħajja reali u jipprovdi lill-istudenti l-opportunità unika biex jaħdmu u jitħarrġu ma' kollegi fuq il-post tax-xogħol.
L-applikazzjonijiet onlajn għal korsijiet li jibdew f’Ottubru se jkunu miftuħa għal studenti ġodda nhar it-Tnejn, 6 ta’ Lulju fuq mcast.edu.mt.
+++
Sadanittant qed inkomplu wkoll bl-impenn tagħna fl-infrastruttura. Filwaqt li għaddej ġmielu x-xogħol fuq l-iskola l-ġdida tal-Qawra, hemm diversi proġetti oħra li qed nieħdu ħsieb li eventwalment se jgawdu minnhom kemm l-istudenti uliedna u wkoll l-edukaturi.
Żewġ proġetti oħra mill-ħafna li għaddejjin huma l-proġett ta’ bini ta’ sala ġdida u kumpless sportiv fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija li qiegħed isir b’investiment ta’ madwar €4 miljuni. Hemm ukoll l-investiment ta' €5 miljuni għall-proġett ta' modernizzar u rinovar fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun li qed isir f'diversi fażijiet li x-xogħol fuqu wkoll għaddej ġmielu.
Dan xogħol eċċellenti li qed isir mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada.
Nixtieq nagħlaq illum billi nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Community Workers' Scheme fi ħdan il-Jobsplus li ġurnata wara oħra jkunu fit-toroq tagħna jwettqu xogħlijiet madwar Malta u Għawdex.
Comments