top of page

Tħabbar ir-ritorn tal-Valletta Local Food Festival 2023: Festa Kulinari Maltija



Il-Valletta Local Food Festival ser jittella’ bejn il-5 u s-7 ta’ Ottubru 2023 fil-Valletta Design Cluster. Dan il-festival jiġbor flimkien kokijiet lokali u artiġjani fejn se joffru lill-pubbliku festa kulinari Maltija.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li din iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-wirt kulinari għani Malti toffri esperjenza gastronomika u kulturali indimentikabbli lil dawk kollha li jattendu.

“Dan il-festival jipprovdi wkoll pjattaforma għall-artiġjani lokali biex juru l-ħiliet tagħhom fl-ambjent sabiħ tal-Belt Valletta. Kommessi li nkomplu naħdmu biex dan il-festival ikun ta’ suċċess. L-għan ewlieni jibqa’ biex inrawmu fil-ħajja tan-nies il-kuxjenza u l-apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija u li nħaddnu dak li jsawwarna,” sostna l-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “Il-Valletta Local Food Festival mhuwiex biss avveniment kulinarju; huwa ċelebrazzjoni tal-identità ta’ gżiritna u r-rabta profonda bejn l-ikel, il-kultura, u l-komunità.”

Dr Gavin Gulia, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qal li t-turiżmu b’mod ġenerali m’għadux ikkaratterizzat mill-istaġjonalità u l-fatt li jiġu organizzati festivals bħal Valletta Local Food Festival, li jiġi organizzat f’Ottubru b’mod parallel ma’ Notte Bianca, ikompli jattira aktar turisti sabiex iżuru pajjiżna u jgawdu l-kultura u l-ikel lokali.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Valletta Local Food Festival Charles Bone qal; “Nistiednu lil kulħadd biex jingħaqad magħna għal esperjenza indimentikabbli ta’ togħmiet u aromi, b’menù varjat li diversi kokijiet professjonali Maltin qed joffru bħala parti mit-tieni edizzjoni tal-festival”.

Il-kok rinomat Renato Briffa se jkun ukoll preżenti waqt l-avveniment b’dimostrazzjonijiet ta’ tisjir u għarfien siewi dwar it-tħejjija ta’ platti rinomati bħall-kwareżimal, il-Vallettani, il-Biskuttini tar-Raħal, u pasti oħra, kollha maħdumin b’ingredjenti friski ta’ oriġini lokali. Il-festival se jkollu wkoll firxa ta’ birra artiġġjanali Maltija.

Dan l-avveniment huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) u appoġġjat minn Visit Malta. Għal aktar informazzjoni żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-VCA.

Ritratti: MHAL, DOI







Comentarios


bottom of page