Wara t-tlestija tar-restawr tal-parti tal-Victoria Lines li tikkorispondi mat-tul tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta (Tarġa Gap), id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jkun qiegħed jibda x-xogħlijiet ta’ restawr fuq parti oħra ta’ din il-fortifikazzjoni li tinsab fil-Għargħur (fil-parti magħrufa bħala Top of the World).
Mibni mill-Militar Brittanniku lejn l-aħħar tas-seklu 19, il-Victoria Lines huma network kumpless ta’ fortifikazzjonijiet f’forma ta’ linja li huma twal madwar 12-il kilometru, mill-Madliena għal Fomm ir-Riħ.
“Dan il-proġett kontinwu tad-Direttorat tar-Restawr se jara r-restawr ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet li huma uniċi f’pajjiżna. Għall-iskop, elementi differenti, il-metodu tal-bini, u dak li dawn jirrappreżentaw, huma monument uniku ta’ arkitettura militari lokali. L-istrateġija tagħna bħala gvern hija li nkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna sabiex kulħadd ikollu aċċess biex japprezzah,” stqarr il-Ministru għall-Ġustzza, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
Matul dawn l-aħħar xhur, id-Direttorat tar-Restawr għamel ukoll xogħlijiet ta’ emerġenza ta’ tiswija/restawr fuq biċċtejn mill-Victoria Lines ta’ Binġemma, li jew kienu fir-riskju li waqgħu jew waqgħu riċentement.
Ix-xogħlijiet fil-Għargħur se jkunu fuq l-istess linja tal-metodoloġiji addottati matul l-aħħar xhur fil-Mosta. Dawn fil-fatt għandhom l-għan li jindirizzaw l-aktar sitwazzjonijiet kritiċi, bħal konsolidazzjoni ta’ partijiet mhux stabbli, it-tqegħid mill-ġdid ta’ lakuni li jidhru b’mod ċar, it-tneħħija ta’ tiswija li huma viżwalment fin-nofs u l-bini mill-ġdid tagħhom fuq linji approvati ta’ prattiċi tar-restawr. Se jsir ukoll kull sforz li jkun hemm dettalji li jistgħu jassistu fl-interpretazzjoni tas-setup oriġinali tal-fortifikazzjoni, bħal, pereżempju, t-tikħil tal-parti ta’ fuq fejn din għadha hemm. Fejn hu possibbli, se jintużaw ġebel li jiffurmaw parti mis-setup tal-binja oriġinali matul it-tqegħid u l-bini mill-ġdid. Bħalma kien fil-każ tal-Mosta, anka fil-Għargħur se jsir kull sforz biex jinġabru l-ġebel li waqgħu u li jiffurmaw parti mill-kostruzzjoni oriġinali mix-xagħri/wied ta’ taħt li waqgħu matul is-snin.
Dan l-intervent fil-Għargħur se jkun ftit aktar diffiċli minħabba li hemm għoli konsiderevoli involut.
Biex jgħin lill-ħaddiema tiegħu, id-Direttorat tar-Restawr ġab skavatur żgħir biex ikun jista’ jsir dan ix-xogħol. Il-meded tal-lakuni li huma estensivament twal se jiġu mibnija minn ġebel ġdid li hu simili fid-daqs u stil tal-ġebel oriġinali.
Comments