top of page

Tirranka l-kultura … fi żmien il-festi tal-Milied

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali



Għal bosta raġunijiet, żmien il-festi tal-Milied u l-bidu tas-sena l-ġdida hu perjodu sensittiv aktar minn oħrajn għal persuni li jħossuhom waħedhom jew f’solitudni kbira. Hekk kif diġa’ wasalna fix-xahar ta’ Diċembru, dħalna għalhekk fi żmien ikkaratterizzat minn atmosfera sabiħa u ċelebrazzjonijiet soċjali, fejn għal diversi nies dan huwa wieħed mill-isbaħ żmien tas-sena. Imma mhux għal kulħadd hekk. Hawn min dan iż-żmien ifisser għalih żmien diffiċli li jħossu aktar waħdu minn xhur oħra. Tinstema’ kontro-sens, iżda hu fatt ippruvat u kemm il-darba niltaqa’ ma’ nies li jkunu jixtiequ li dan il-perjodu – li hu wieħed fejn kulħadd jiltaqa’ ma’ xulxin - jgħaddi kemm jista’ jkun malajr.


Dan ma jinħasx biss f’Malta, imma hu fenomenu li jinsab f’ħafna pajjiżi barranin ukoll. Nieħu gost ħafna jekk bil-ħidma li wettaqna fl-aħħar xhur fis-settur kulturali u bis-saħħa ta’ dak li se jiġi provdut, min normalment iħossu waħdu f’dawn iż-żminijiet tant sbieħ, isib fil-kultura dar sabiħa li ttih sodisfazzjon u kuntentizza. Lil kull min, għal diversi raġunijiet, iħossu waħdu fi żmien il-Milied, niddedika l-ħidma li wettaqna lilu u lilha.

+ + +


Il-jiem tal-Milied u li jwasslu għall-Ewwel tas-Sena huwa perjodu eċċezzjonali għall-arti, l-artisti u anke għal min iħobb it-tradizzjonijiet kulturali. L-artisti nfushom mimlijin enerġija u inizzjattiva biex jorganizzaw u joħolqu affarijiet sbieħ abbażi tat-talenti enormi tagħhom.


Bħala Ministeru tal-Kultura flimkien mal-Valletta Cultural Agency u d-Direttorat tal-Kultura se nkunu qed intellgħu diversi inizjattivi biex dawn iż-żminijiet ikunu memorabli kemm jista’ jkun, waqt li nissalvagwardjaw ukoll tradizzjonijiet sbieħ marbuta mal-Milied.


Ħabbarna programm varjat ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta beda’ mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2022 bl-isem ta’ “Christmas in the Capital”. Aħna ppjanajna li nagħmlu madwar 25 avveniment f’25 jum.


Din hija opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-Belt Kapitali ta’ Pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied. Il-Belt Kapitali tagħna, għalkemm fiżikament waħda mill-iżgħar bliet kapitali fl-Ewropa, hija l-post perfett għal ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħha u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti. Dan il-Gvern hu kommess li nkomplu nkabbru l-attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u fid-diversi postijiet f’pajjiżna.


Dan il-Milied se nilqgħu lill-familji lura fil-Belt Valletta b’attivitajiet u attrazzjonijiet fuq medda ta’ xahar. Se nkunu qed naraw baned fit-toroq u street walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn numru ta’ gruppi popolari li jinkludu The New Victorians, MARA, Centrestage, Klinsmann, Tikka Banda, Big Friends Guggen Musik u Sterjotipi fost oħrajn.


Il-ġimgħa li għaddiet tajna wkoll bidu għal dan il-programm Christmas in the Capital. Fil-Belt issa tista’ ssib siġar tal-Milied armati fit-toroq u fil-pjazez ewlenin, presepji f’diversi partijiet tal-Belt u dwal li jakkompanjaw dawn il-jiem. Il-projezzjonijiet spettakolari tant sbieħ fi Pjazza San Ġorġ ser jibdew fis-7 ta’ Diċembru u naturalment se tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.

+ + +

Se ninawguraw ukoll fil-jiem li ġejjin ix-xogħol li wettaqna fejn jidħlu l-presepji tal-Milied li hi tradizzjoni ħelwa ħafna. Hemm ħafna dilettanti f’pajjiżna tal-presepji. Dawn il-presepisti jagħmlu xogħol kbir, li jeħtieġ jiġi valorizzat.


Hawn m’inix qed nirreferi biss għall-wirjiet kollettivi tal-presepji li jsiru, imma anke fejn jidħlu l-presepji fid-djar fejn dak li jkun jiftaħ il-bibien ta’ daru biex min irid jidħol u jżur il-presepji.


Nirringrazzja minn qalbi lill-presepisti tagħna u lid-Direttorat tal-Kultura tax-xogħol li wettqu fl-aħħar xhur li m’għandix dubju se jinżel tajjeb ħafna ma’ kull min iħobb l-aspetti tradizzjonali tal-kultura.

+++

Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din is-sena se jkunu qed jirritornaw ukoll fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fl-10:00pm u jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida.


Dan il-programm ma fihx biss varjetà mużikali iżda ser joffri l-opportunità lil diversi artisti biex juru t-talenti tagħhom fuq pjattaforma daqshekk kbira.


Kemm hu sabiħ li tara lill-poplu Malti u Għawdxi jgawdi flimkien dan l-avveniment li hu tant għal qalb in-nies. Ninsab ħerqan li nerġa’ nara din il-pjazza mimlija ħajja, briju u mużika sabiex flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida.


Il-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja and Band, segwit mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja. Dawn kollha se jkunu qed jeħduna fuq vjaġġ mużikali li se jikkonsisti fl-aqwa hits tal-2022 kif ukoll f’numru ta’ kanzunetti klassiċi li llum saru ikoniċi.


Eżatt qabel il-countdown, The Brass House Unit,flimkien mad-DJ lokali Debrii, se jkunu qed iħejju l-folla miġbura fil-Belt Valletta kif ukoll lil dawk li se jkunu qed isegwu t-trasmissjoni diretta taċ-ċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali minn ġewwa djarhom, għas-sena l-ġdida bi prestazzjoni uptempo speċjali ta’ fużjoni bejn muzika orkestrali u elettronika b’mash up tal-aqwa mużika tal-ġeneru dance tal-2022, flimkien ma’ effetti speċjali fuq il-palk u logħob tan-nar sabiex tingħata merħba mill-isbaħ lis-sena l-ġdida. Iċ-ċelebrazzjonijiet jagħlqu b’set ta’ DJ Drey b’mużika kummerċjali mill-aqwa.


+++


Din il-ġimgħa attendejt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura, li kienet waħda b’differenza għaliex magħna ngħaqad ukoll il-Ministru tal-Kultura tal-Ukrajna Oleksandr Tkachenko.


Qalbna ngħasret meta Oleksandr qalilna li f’nofs ta’ gwerra baqgħu itellgħu kunċerti biex jipprovaw jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-artisti, iżda jużaw id-dawl tal-mobile phones tal-udjenza peress li jinsabu bla elettriku. Jew inkella qalilna li l-mużewijiet Ukreni li sfaw fil-mira tar-reġim Russu spiċċaw mneżża’ mill-artefatti storiċi u l-wirt storiku Ukren - u Ewropew - spiċċa intlief.


U fakkarna li f’dan il-Milied, l-Ukreni se jkunu mingħajr heaters f’darhom, mingħajr dawl f’kamarthom, u fil-biżgħa. Verament rakkonti ta’ qsim il-qalb u li jsaħħu fina r-rieda biex bħala blokk Ewropew nissalvagwardjaw il-kultura u patrimonju storiku Ukren u għalhekk il-wirt kulturali Ewropew.

+++


Inizjattiva li ma stajtx ma nsemmix u żgur se tkun qed tgħin u tferraħ ħafna tfal hi “Agħti Rigal B’Imħabba”, ispirata minn mart u bint il-Prim Ministru Robert Abela – Dr Lydia Abela u ċ-ċkejkna Georgia Mae. Din l-inizjattiva se tara li jiġu ppakkjati mijiet ta’ rigali, b’dawn ir-rigali li mbagħad jiġu mqassma lil tfal li forsi jgħixu f ’sitwazzjonijiet differenti minn dawk li għandom tfal oħra. Nħeġġeġ lin-nies biex bħas-snin preċedenti jerġgħu jikkonkoru ħalli dan il-Milied noħolqu tbissima lil dawn it-tfal.


Naturalment irid insellem lit-tfal kollha li bħalissa jkunu daħlu ħafna fl-ispirtu tal-Milied, speċjalment dawk ċkejknin. Min jaf kemm huma eċċitati biex jattendu għad-diversi parties li jsiru fl-iskejjel u fiċ-ċentri li jattendu matul is-sena ... xi ġmiel hux vera. Awguri lil kull tifel u tifla li jħobbu b’tant saħħa l-Milied.


Hu sabiħ li sa minn eta’ żgħira nħeġġu lil dawn it-tfal jaħsbu wkoll f ’ħaddieħor. U għalhekk l-inizzjattiva Agħti Rigal b’Imħabba hi waħda sabiħa ferm u li ħaqqha kull tifħir!



Commentaires


bottom of page