Il-Gvern qed ikompli jgħin lil għaqdiet volontarji f’attivitajiet kulturali u oħrajn li jittellgħu fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Permezz ta’ ftehim bejn l-Aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Aġenzija LESA se tkun qed tgħaddi €600,000 fuq sentejn lill-Kumitati Reġjonali biex dawn ikunu għad-dispożizzjoni u jintużaw mill-kunsilli lokali u mill-għaqdiet volontarji fid-diversi lokalitajiet Maltin u Għawdxin. B’hekk dawn jiġu mgħejuna fl-ispejjeż marbuta ma’ ħlasijiet ta’ Pulizija, uffiċjali tal-LESA u l-Protezzjoni Ċivili waqt attivitajiet kulturali u oħrajn li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.
Din l-inizjattiva, li torbot ma’ inizjattivi oħra meħuda fl-aħħar snin b’rabta mal-attivitajiet kulturali, tħabbret mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li bħala Gvern ikomplu jixprunaw l-attivitajiet fil-lokalitajiet biex isaħħu s-sens komunitarju. “Aħna qrib l-għaqdiet volontarji u sensittivi għal dak li jkunu jixtiequ li aħna nindirizzaw. Huwa għalhekk li qed issir din l-iskema sabiex tagħti għajnuna biex insaħħu l-attivitajiet kulturali u oħrajn li jsiru fl-irħula, bliet u kommunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Bonnici, filwaqt li enfasizza li din l-għajnuna hi b’żieda mal-għajnuniet kollha li diġà jingħataw.
“Meta nsaħħu l-komunitajiet tagħna, inkunu qed ninvestu f’komunitajiet reżiljenti li jkunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi komunitarji u lokali. Aħna nemmnu li l-valur tal-ħidma fil-komunità huwa r-responsabbiltà tagħna li nsostnuha sabiex nsaħħu u niċċelebraw dak li jagħmilna min aħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-Aġenzija LESA se tagħti mas-sitt mitt elf ewro mill-fondi tagħha, lill-Kumitati Reġjonali sabiex tkopri s-servizzi ta’ diversi entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà. Kompla jispjega li meta jiġu organizzati attivitajiet kulturali u oħrajn, wieħed ikollu jagħlaq ċertu toroq għat-traffiku kif ukoll ikun hemm bżonn pulizija fuq extra duty, jew uffiċjali oħra tul l-attività.
“Dan il-gvern kien u se jibqa’ jappoġġja l-attivitajiet kulturali u oħrajn permezz ta’ din l-għajnuna sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dawn l-attivitajiet, ikollna komunitajiet ħajjin u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u kull min iżur l-attivitajiet. Apparti minn dawn l-inizjattivi, l-Aġenzija LESA qed tagħmel ukoll diversi proġetti oħra fil-qalba tal-komunitajiet, kemm bi sħab mal-Kunsilli Lokali u anke ma’ għaqdiet volontarji oħra u dan skont l-istrateġija tal-Aġenzija li tqassam il-fondi mit-taħrikiet lura f’investiment lill-komunitajiet,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali l-kunsilli lokali ser ikunu f’pożizzjoni li jallokaw aktar fondi fuq l-attivitajiet organizzati minnhom fil-lokalitajiet. “Dan ifisser li r-residenti ser ikunu qed igawdu minn livell aktar għoli ta’ attivitajiet soċjo-kulturali lokali,” spjegat Zerafa Civelli. Hija saħqet li din l-inizzjattiva hija prova oħra tas-sinerġija li teżisti u kemm il-Gvern hu qrib il-komunitajiet.
Il-fondi li l-Aġenzija LESA ser tagħti lill-Kunsilli Reġjonali ser ikunu mqassma fuq sentejn, u ser ikunu ugwali għal kull reġjun. Il-ftehim huwa b’seħħ mit-12 ta’ Mejju 2023.
Comments