top of page

Titfakkar it-80 sena mill-Operazzjoni Husky: l-Invażjoni storika ta’ Sqallija mill-Alleati

Weekend ta’ attivitajiet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn l-4 u s-6 ta' Awwissu




Biex jitfakkar it-80 anniversarju mill-invażjoni storika ta’ Sqallija mill-Alleati, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) qed jiġi organizzat weekend ta’ attivitajiet bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu, li jinkludi wirja fis-Sala Sacra Infermeria bis-sehem ta’ diversi gruppi ta’ re-enactment, u kunċerti fis-Sala tar-Repubblika.


L-ewwel kunċert se jsir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu fit-20:30, bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mill-Mro. Jonathan Borg. It-tieni kunċert se jsir is-Sibt 5 ta’ Awwissu fit-20:30 u se jinkludi l-Goldberg Ensemble mmexxi mis-Surmast Michael Laus.


Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.


Il-Ministru Owen Bonnici saħaq dwar l-importanza li jfakkru l-istorja u li jgħadduha lill-ġenerazzjonijiet li telgħin. “B’hekk niżguraw li l-ġenerazzjoni t’għada tkun konxja minn dak li għaddew missirijietna waqt żminijiet ta’ prova. It-Tieni Gwerra Dinjija kellha impatt enormi fuq pajjiżna. Dak li wassal għal-liberazzjoni tal-Ewropa mill-forzi Nazisti jrid jibqa’ mfakkar, anke permezz ta’ attivitajiet bħal dawn,” tenna l-Ministru Bonnici.


Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo qal “It-turiżmu storiku f’Malta mhux biss jenfasizza l-istorja rikka tal-pajjiż iżda jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku tiegħu, il-preservazzjoni kulturali, u l-iżvilupp tal-komunità. Billi tħaddan u tippromwovi l-wirt storiku tagħha, Malta tista’ tkompli tattira turisti, tiċċelebra l-identità unika tagħha, u tipprovdi esperjenzi ta’ valur għall-viżitaturi minn madwar id-dinja.”


Iċ-Chairman ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Kenneth Spiteri spjega s-sinifikat li ċerti anniversarji għandhom għall-MCC minħabba r-relazzjoni intrinsika tal-binja mal-istorja ta' Malta, b'referenza speċifika għat-Tieni Gwerra Dinjija. “Apparti li jservi ta’ attrazzjoni primarja għall-eluf ta’ turisti, l-MCC għandu ħafna x’jikkontribwixxi biex ifakkar avvenimenti bħal dawn. Konna attivi ħafna f’din il-missjoni permezz tal-kalendarju kulturali tagħna u nemmen li dan l-avveniment se jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-passat li għalihom attendew ħafna Maltin u barranin”, temm jgħid iċ-Chairman.


Il-biljetti huma għall-bejgħ minn showshappening.com.


Dan l-avveniment qed jiġi appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Kunsill Malti għall-Arti, bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta.






Comentários


bottom of page