top of page

Titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjegati tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta



Titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjegati tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta wara l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid


Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) u l-Professionals & Services Employees’ Union (PSEU). Dan il-ftehim kollettiv se jiżgura li tlieta u sittin impjegat li jokkupaw rwoli ta’ mużiċisti professjonali mal-MPO, jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi u aktar benefiċċji.


L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.


Il-Ministru Bonnici spjega li l-bidliet ewlenin f’dan il-ftehim kollettiv jinkludu żieda fil-paga bażika kif ukoll allowances aħjar għall-manutenzjoni tal-istrumenti, fost l-oħrajn. Qal li l-mużiċisti li jivvjaġġaw fuq xogħol se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet u minn allowances li huma konformi mal-Public Service Management Code (PSMC).


“L-għan tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss ta’ natura finanzjarja. Se naraw li dan il-ftehim kollettiv ikun jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol bil-għan li sservi ta’ aspirazzjoni għal impjegati futuri. Dan sabiex ninkoraġġixxu aktar mużiċisti filwaqt li nippromwovu l-progressjoni fil-karriera tal-impjegati,” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.


Għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid attendew ukoll iċ-Chairperson Alfred Camilleri u l-Aġent Kap Eżekuttiv Chris Muscat.








Comments


bottom of page