top of page

Titlesta l-ewwel fażi ta’ rinnovazzjoni tal-Librerija Pubblika Ċentrali ta’ Malta




F’għeluq l-erbgħin sena mit-twaqqif tal-Librerija Pubblika Ċentrali fil-Furjana, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura l-ewwel fażi ta’ rinnovar tal-istess Librerija Pubblika Ċentrali, b’investiment ta’ €340,000.


Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kienu jinkludu r-ristrutturar fit-terran fejn saru soqfa ġodda u ttranġat l-art, ġew rinnovati l-aperturi eżistenti, ġiet installata sistema moderna ta’ partitioning bil-ħġieġ biex toħloq spazji għal funzjonijiet varji u numru ta’ intervenzjonijiet biex jiżguraw aċċessibbiltà kompluta għall-binja.


Il-Ministru Owen Bonnici spjega li fl-aħħar għaxar snin is-servizzi tal-Malta Libraries esperjenzaw bidliet sostanzjali, fosthom il-bidla tas-sistema kompjuterizzata tal-libreriji li llum tħaddan fiha ’l fuq minn mitt librerija, kemm pubbliċi, parastatali u privati, kif ukoll l-introduzzjoni tal-kotba elettroniċi b’xejn għall-membri kollha ta’ kull età.


“Qed isir investiment kbir favur ir-rinnovar estensiv tal-binja nnifisha li sservi bħala l-bażi amministrattiva għan-network tal-libreriji pubbliċi,” qal il-Ministru Bonnici filwaqt li faħħar il-ħidma li qed issir f’dan ir-rigward.


Il-Librar Nazzjonali u Kap Eżekuttiv Cheryl Falzon tenniet li dejjem għarfu l-potenzjal kbir li għandha l-librerija u s-servizzi li toffri. Għaldaqstant, matul is-snin, tfassal pjan u bdiet titwettaq ħidma biex jiġu aġġornati kemm is-servizzi kif ukoll il-binja nnifisha.


Hija spjegat li ser tkompli t-tieni fażi ta’ rinnovar sabiex fix-xhur li ġejjin fis-sezzjoni tal-adulti, apparti li se jsir xkaffar tradizzjonali tal-kotba, l-ispazju se jkun qed jospita wkoll reading hubs, spazju fejn il-pubbliku ħa jkun jista’ jesperjenza 3D printing u Virtual & Augmented Reality, kif ukoll spazju għal korsijiet u attivitajiet edukattivi u rikreattivi regolari.


Għal din il-ġurnata, Malta Libraries ħejjiet programm ta’ attivitajiet għall-pubbliku b’kollaborazzjoni mas-Sezzjoni tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta, Saving Our Blue Campaign u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.









Comments


bottom of page