Il-President ta’ Malta George Vella nieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘il-Festa tal-Festi’ li se ssir fil-Palazz Verdala bejn il-Ġimgħa 28 u l-Ħadd 30 ta’ April b’risq The Malta Community Chest Fund.
Waqt it-tnedija, il-President Vella qal li mnebbħa mill-festa tradizzjonali Maltija u l-ħtieġa li ngħożżu l-kultura Maltija li tagħmilna uniċi, din l-attività għandha sservi ta’ introduzzjoni għall-istaġun ferm mistenni tal-festi.
“Il-festi għandhom għeruq fondi fil-kultura Maltija iżda li spiss intesew jew mhumiex magħrufa biżżejjed, speċjalment mal-barranin li saru parti minna li llum jgħoddu madwar 20% tal-popolazzjoni. L-attivitajiet li se jsiru għandhom ikattru l-għarfien dwar dak kollu li jsawwar il-festa Maltija li maż-żmien kompliet tevolvi f’espressjoni li tgħaqqad il-komunità flimkien,” qal il-President.
Il-President wera tama li l-ħidma li għaddejja biex il-festa Maltija tkun rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wirt intanġibbli ta’ importanza għall-umanità, twassal għar-riżultat mixtieq u r-rikonoxximent mistħoqq.
Daniel Cauchi, Direttur Artistiku tal-attività, qal li ‘il-Festa tal-Festi’ għandha tipprovdi għarfien sħiħ ta’ x’inhi verament il-festa Maltija, il-volontarjat li jmexxiha, kif titħejja, l-artiġjanat u t-tradizzjonijiet relatati magħha.
Is-Sur Cauchi spjega li din l-attività se tiftaħ il-Ġimgħa filgħodu b’attivitajiet edukattivi għat-tfal tal-primarja fil-Palazz Verdala. Bħala parti minn din l-attività, 40,000 student tal-primarja se jirċievu fuljett b’informazzjoni dwar il-festa tradizzjonali Maltija. Dan jinkludi fatti fuq il-festi, kalendarju tal-festi, taqbiliet, attivitajiet, u logħob bil-għan li jkattar l-għarfien dwar il-festa, il-banda u dak kollu marbut magħha fost it-tfal.
Il-Ġimgħa, 28 ta’ April filgħaxija se ssir l-ikla tradizzjonali Maltija bis-sehem ta’ komiċi u kantanti Maltin, imbagħad l-għada s-Sibt se jittella’ kunċert mill-band popolari ‘The Travellers’. ‘Il-Festa tal-Festi’ tiġi fi tmiemha l-Ħadd b’quddiesa u l-marċ il-kbir bis-sehem ta’ diversi għaqdiet tal-banda.
Waqt it-tnedija tkellmu wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u l-Arti Julie Zahra.
Il-biljetti jinkisbu minn mccf.store.
Comentários