top of page

Titnieda l-10 edizzjoni tat-Three Palaces Early Opera and Music Festival

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 9



Wara żewġ edizzjonijiet li seħħew kompletament fuq l-isfera diġitali, it-Three Palaces Early Opera and Music Festival se jirritorna fil-format tradizzjonali tiegħu bejn l-1 u t-12 ta’ Novembru 2022. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li spjega li din id-darba l-programm ġie kkurat minn tim artistiku konġunt, magħmul minn Michelle Castelletti u Kenneth Zammit Tabona, li saħħaħ bil-bosta l-element ta’ opra Barokka fil-festival.


Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan l-avveniment joffri aċċessibbiltà għal diversi forom ta’ arti u għall-binjiet storiċi u sbieħ ta’ pajjiżna. “Aħna nimmiraw li niżguraw li kull forma ta’ arti hija rikonoxxuta, inkluż is-settur operistiku li fih pajjiżna qed jiddistingwi ruħu,” saħaq Dr Bonnici.


Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal, “Grazzi għal dan il-festival qed inħeġġu l-apprezzament lejn il-wirt arkitettoniku Malti li ħafna drabi jiġi sottovalutat. It-Three Palaces Early Opera & Music Festival jagħti aċċess għal dawn il-binjiet lil dawk kollha li jżuru pajjiżna u joffrilhom esperjenza unika.”


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li, “Il-programmazzjoni tal-festival ta’ din is-sena hija tal-akbar importanza, peress li minħabba l-waqfa kkawżata mill-pandemija, għaqqadna b’suċċess tliet ġeneri, chamber music, opra Barokka kif ukoll ix-xogħlijiet ta’ Joseph Vella – u b’hekk ħloqna programm dinamiku li jappella lil udjenzi usa’’.


Id-Direttur Artistiku, Michelle Castelletti, stqarret li hija kuntenta li qed jippreżentaw dan il-festival. “Fl-aħħar se nirritornaw lejn il-palazzi glorjużi tagħna – mill-ġmiel tal-Gran Salon fil-binja straordinarja tal-Auberge de Provence (Mużew tal-Arkeoloġija), sal-katidral spettakolari tagħna, il-Konkatidral ta’ San Ġwann. Mirreġina assoluta tal-Lieder mal-mezzosopran Dame Sarah Connolly, sas-sublimità tal-kor ORA Singers. Din is-sena il-festival huwa eċċezzjonali’’.


Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona ħabbar li, “Bħala parti mill-programm mużikali tal-Early Baroque Opera, iż-żewġ ġeneri tal-Opra u tal-Barokk se jiżżewġu f’żewġ xogħlijiet mill-isbaħ ta’ Georg Frederick Handel fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival hekk kif se nkunu qed nippreżentaw Partenope HWV27 u Belshazzar. HWV61.”


It-Three Palaces Early Opera & Music Festival huwa organizzat minn Festivals Malta. Għall-biljetti u għal aktar informazzjoni żur www.festivals.mt





Comments


bottom of page